Internazzjonali

L-Olanda: Inizjattiva bla preċedent relatat mal-kenn politiku… u li qed jidher destinat li jfalli

Il-Gvern ġdid fl-Olanda, skont il-wiegħda elettorali ta’ ġimgħat ilu, issottometta talba lill-Kummissjoni Ewropea biex il-pajjiż ma jibqax marbut bis-sistema tal-Unjoni Ewropea għall-immigrazzjoni u li tippermetti wkoll għall-kenn politiku lill-barranin.

Dan il-pass – magħruf anki bħala ‘opt-out’ – hu bla preċedent minn wieħed mill-pajjiżi-fundaturi tal-UE u, fost oħrajn, qanqal oppożizzjoni min-naħa tal-entitajiet politiċi liberali u tax-xellug,.

Intant, il-koalizzjoni Olandiża ta’ erba’ partiti mmexxija mill-Prim Ministru Dick Schoof, esprimiet ix-xewqa li tibni ‘l-aktar sistema nazzjonali stretta għall-moniteraġġ tal-kenn politiku.’

Fl-istess ħin, Marjolein Faber, il-Ministru Olandiż responsabbli mill-Immigrazzjoni u l-Kenn Politiku, sostniet li l-Olanda ‘teħtieġ li, mill-ġdid, tibda tmexxi l-politika tagħha stess f’dan is-settur’.

Faber hi membru tal-Partit għall-Ħelsien (PVV) estremista tal-lemin immexxi minn Geert Wilders, magħruf għall-politika tiegħu kontra l-immigrazzjoni. Wilders hu anki l-mutur wara l-koalizzjoni Olandiża li, illum, trid tinħall mill-obbligi partikulari skont kif elenkati mill-UE.

Fil-fatt, Wilders, f’messaġġ fuq il-midja soċjali, faħħar l-inizjattiva tal-koalizzjoni taħt il-kumment “Marjolein Faber qed tikteb l-istorja”.

Iżda l-pjan għall-hekk imsejjaħ ‘opt-out; fil-verità jibqa’ wieħed simboliku bi ftit ċans li jirnexxi. Dan għaliex f’każ li l-UE taċċetta l-pjan, ikollha sseħħ taqliba sħiħa ta’ leġislazzjoni ferm sensittiva fuq bażi Ewropea u f’sitwazzjoni li kapaċi twassal għal talbiet simili min-naħa ta’ pajjiżi oħrajn imsieħba fl-Unjoni.