Żagħżugħa ta’ 27 sena mwielda r-Rabat, Għawdex, u residenti x-Xagħra, ma nstabitx ħatja mill-Maġistrat Jean Paul Grech li fit-22 ta’ Awwissu tas-sena l-oħra, fi Triq Ninu Cremona, fir-Rabat, f’Ghawdex stess, ikkaġunat ġrieħi gravi fuq persuna f’inċident tat-traffiku bejn il-karozza tagħhom u mutur misjuq minn raġel.
Il-Qorti qalet li mhux minnu li Samantha Marie Debono kienet qed issuq b’veloċità eċċessiva u li kkaġunat ġrieħi gravi kif tgħid l-akkuża fuq is-sewwieq tal-mutur, għaliex il-ġrieħi kienu ħfief. Ħareġ li kien Raymond Calleja li pprova jsuq minn triq ‘one-way’ u li l-kumpanija tal-assigurazzjoni tiegħu tat raġun lil mara u mhux lilu.
L-inċident kien seħħ għall-ħabta tal-erbgħa neqsin kwart ta’ wara nofsinhar. Fil-Qorti rriżulta li l-Pulizija fl-Għassa tar-Rabat, Għawdex, ġew infurmati li kien seħħ inċident tat-traffiku bejn vettura tal-marka Citroen u mutur tal-marka Daelim.
Minn investigazzjonijiet li għamlu l-Pulizija fuq il-post, irriżulta li l-vettura kienet qed tinstaq minn Samantha Marie Debono, filwaqt li l-mutur kien qed jinstaq minn Raymond Calleja. Debono stqarret mal-Pulizija li hi kienet nieżla minn Triq Ninu Cremona, u f’daqqa waħda rat mutur li ħareġ minn parkeġġ li hemm fejn Villa Rundle.
Hekk kif waslet miegħu, dan il-mutur għamel ‘U turn’ biex jiġi jħares ’il fuq bil-konsegwenza li l-akkużata laqtitlu t-tyre ta’ wara tal-mutur bil-quddiem tal-vettura tagħha. Min-naħa tiegħu, Raymond Calleja stqarr mal-Pulizija waqt li kien l-Isptar, li l-akkużata kienet ġejja ‘gas down’ minn Triq Ninu Cremona u waqfet xħin indunat bl-impatt li kellha miegħu.
Debono ġiet akkużata li b’nuqqas ta’ ħsieb jew bi traskuraġni u b’nuqqas ta’ tħaris ta’ regolamenti,
ikkaġunat ġrieħi gravi fuq Raymond Calleja. Minn eżami tal-atti proċesswali, il-Qorti qalet li l-akkużata ssostni li l-inċident seħħ għaliex il-mutur għamel U-Turn biex jitla’ ’l fuq kontra l-linja.
Calleja, fl-ewwel verżjoni li ta lill-Pulizija, jgħid li l-vettura kienet ġejja ‘gas down’ u waqfet biss xħin indunat bl-impatt li kellha miegħu. Meta kien qed jixhed fil-Qorti, l-allegat vittma stqarr li huwa ħass li l-akkużata kienet ġejja bi speed qawwi u pprova jiskapulaha billi kiser fuq ġenb.
Fix-xhieda tiegħu ma jistqarrx fuq liema ġenb kiser, għalkemm mir-ritratti esebiti jidher li huwa kiser fuq il-lemin tiegħu għax hemm spiċċa l-mutur wara l-ħabta. Il-Qorti ta’ Għawdex qalet fis-sentenza tagħha li huwa minnu li kien hemm xhud ta’ dan l-inċident.
Madankollu, għalkemm il-Pulizija kienet infurmata li din kienet sejra titlaq minn dawn il-gżejjer, ma jidher li sar l-ebda tentattiv biex ix-xhieda ta’ dan ix-xhud tittieħed qabel din titlaq minn Malta. Il-Qorti għalhekk ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni dak li din ix-xhud qalet lill-Pulizija fl-istadju tal-investigazzjoni.
Dam għax tali verżjoni fl-ebda ħin ma ġiet ikkonfermata bil-ġurament. Il-Qorti tista’ toqgħod biss fuq ix-xhieda li nstemgħu tul dawn il-proċeduri. Wara li qieset l-atti kollha ta’ dan il-proċess, b’mod partikolari x-xhieda mogħtija, il-Qorti qalet li mhijiex konvinta li l-inċident ġara tort tal-akkużata.
Dan għas-segwenti raġunijiet: Li kieku l-akkużata kienet għaddejja bi speed qawwi hekk kif sostna l-parte civile, il-mutur tiegħu ma kienx jispiċċa mal-bieba tal-vettura tax-xufier iżda kien jispiċċa jtir bid-daqqa. Dan huwa indikattiv li l-akkużata ma kinitx għaddejja bi speed qawwi hekk kif allegat mill-parte civile;
u li danm ma kienx koerenti fil-mod ta’ kif iddeskriva l-inċident.
Fil-verżjoni li huwa ta ‘a tempo vergine’ lill-Pulizija, ma jsemmi xejn li huwa għamel azzjoni evażiva biex jevita lill-akkużata. Kien biss meta huwa kien qed jixhed quddiem il-Qorti li qal li ra lill-akkużata ġejja mill-mera tiegħu b’veloċità qawwija u li għamel azzjoni evażiva biex jevitaha, liema azzjoni evażiva ma rnexxitlux.
Apparti minn hekk, qalet il-Qorti, jekk verament il-parte civile ried jagħmel azzjoni evażiva, is-sens
komun jgħidlek li huwa ma kienx jiġbed lejn il-lemin iżda kien jiġbed lejn ix-xellug tiegħu. Id-daqqa fil-vettura tal-akkużata kienet fil-ġenb tan-naħa tax-xufier tal-vettura.
Li kieku l-mutur kien sejjer fl-istess direzzjoni tal-vettura, u l-vettura u l-mutur ħabtu ma’ xulxin, id-daqqiet fuq il-vettura kienu jkunu aktar lejn in-nofs tagħha u mhux fil-ġenb. Dan aktar jagħti kredibbiltà lil dak li qalet l-akkużata fejn sostniet li l-parte civile għamel u-turn għall-għarrieda biex il-mutur jitla ’l fuq kontra l-linja.
Sadanittant, il-kumpanija assikuratriċi tal-parte civile aċċettat it-tort tal-inċident u mingħajr ebda esitazzjoni ħallset id-danni sofferti fil-vettura tal-akkużata. Li kieku l-kumpanija assikuratriċi tal-parte civile kellha mqar l-iċken ħjiel li l-inċident ma ġarax tort tal-klijent tagħha, żgur li ma kinitx se tagħmel dan il-pass u tħallas id-danni fi żmien meta kienu għadhom għaddejjin il-proċeduri kriminali.
Il-verżjoni li tat l-akkużata lill-Pulizija a tempo vergine, kif ukoll meta xehdet quddiem il-Qorti, kienet waħda koerenti u konsistenti dwar il-modalità ta’ kif seħħ l-inċident. Dan aktar jagħti kredibbiltà lill-verżjoni tagħha.
Fiċ-ċirkostanzi, għalhekk, il-Qorti qalet li hi tal-fehma li l-kawża tal-inċident kienet tas-sewwieq tal-mutur. Jidher li wara li huwa ħareġ mill-post ta’ parkeġġ tiegħu u minkejja li kien konxju li kienu ġejjin vetturi minn warajh (għax rahom fil-mera), għażel li jagħmel manuvra biex possibbilment idur ’il fuq bil-konsegwenza li seħħ l-inċident.
Tali manuvra lanqas biss setgħet issir għaliex it-triq kienet one-way. Għalhekk, il-Qorti illiberat liż-żagħżugħa. Fi kwalunkwe każ ukoll, mill-provi prodotti ma rriżultax li l-parte civile sofra feriti ta’ natura gravi għaliex iċ-ċertifikati mediċi esebiti kollha qed jindikaw li l-parte civile soffra feriti ħfief.
Għalhekk, li kieku rriżulta li l-akkużata kienet il-kawża tal-inċident, il-Qorti setgħet issibha ħatja biss li ikkaġunat feriti ta’ natura ħafifa u mhux tal-akkuża kif ġiet addebitata lilha. La darba ġie stabbilit li l-kawża tal-inċident kien il-parte civile, il-Qorti qalet li ma ssib xejn x’tiċċensura fis-sewqan tal-mara.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti qalet li mhux qiegħda ssib lil Debono ħatja tal-akkużi kollha miġjubin fil-konfront tagħha u qed tilliberaha minn kull ħtija u piena.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Josef Gauci.