Turist Brażiljan li bi żball ħaseb li fergħa ta’ bank li kien magħluq kienet il-lukanda li fiha kien alloġġat, ammetta li tefa’ qsari bil-fjuri mal-faċċata tagħha, hekk kif ħaseb li l-lukanda sakkritu barra. Huwa ammetta li dak il-ħin kien fis-sakra wara li għamel lejl jixrob.
L-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa ressqet il-Qorti lil Marcio Malard Mayer ta’ 48 sena, quddiem il-Maġistrat Marseanne Farrugia, u akkużatu b’danni kriminali fil-konfront tal-Izola Bank u ħanut fil-qrib. Mayer ġie mixli wkoll li kien fis-sakra u li ma setax jieħu ħsiebu nnifsu f’post pubbliku u li offenda d-deċenza pubblika.
Ir-raġel, li kien ilu joqgħod f’lukanda fil-Belt Valletta, kien qed jirritorna, minn lejl barra, fis-1am tal-Erbgħa filgħodu. Fl-istat fis-sakra tiegħu, kien żbalja fergħa fil-qrib tal-bank Izola mal-lukanda tiegħu. Meta sab il-fond magħluq u ħaseb li kien imsakkar, ir-raġel kien qabad qasrija kbira tal-fjuri u tefagħha mal-faċċata tal-ħġieġ tal-fergħa tal-bank, u kkawża ħsarat.
Huwa kkawża wkoll ħsarat f’ħanut fil-qrib. L-Ispettur Zerafa qalet lill-Qorti li l-ħsara kkawżata kienet ikkwantifikata għal €240 lill-bank u €73 lill-ħanut. L-avukat ta’ Mayer – Simon Micallef Stafrace informa lill-Qorti li r-raġel se jkun qed iwieġeb ħati.
Il-Qorti infurmat lir-raġel li kien qed jiffaċċja massimu ta’ disa’ xhur ħabs għall-akkużi. Mayer ikkonferma l-ħtija tiegħu wara li ngħata ż-żmien biex jaħsibha mill-ġdid. Meta għamel sottomissjonijiet dwar il-piena, l-Ispettur Zerafa rrakkomandat sentenza sospiża, u qalet lill-Qorti li Mayer kien esprima rimors sinċier waqt id-dikjarazzjoni tiegħu.
Dr. Micallef Stafrace qabel mas-suġġeriment ta’ sentenza sospiża, u fakkar lill-Qorti li l-klijent tiegħu kien ammetta mill-ewwel il-ħtija tiegħu u “ma ħela l-ħin ta’ ħadd”. Billi sabet lir-raġel ħati fuq l-ammissjoni tiegħu stess, il-Qorti kkundannatu għal tliet xhur priġunerija, sospiżi għal sentejn.
Il-Qorti ordnatlu wkoll iħallas lura lill-partijiet midruba għad-danni fi żmien 24 siegħa, u fin-nuqqas ta’ dan ijiġi kundannat tliet xhur ħabs effettivi. Mistoqsi jekk fehemx x’kienet il-piena tiegħu, wieġeb li għamel. “Jiddispjaċini ħafna ħafna, ħafna” żied jgħid.
//= $special ?>