Lokali

Tittella’ konferenza nazzjonali ‘Raġġ ta’ Tama’ għal ġlieda kontra l-kanċer

Il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono enfasizzat l-importanza tat-tama fost dawk li għaddejjin mill-ġlieda kontra l-kanċer u qalet li t-tama twassal għall-kuraġġ li jwassal għal triq ta’ fejqan.

Hi kienet qed tindirizza l-konferenza nazzjonali ‘Raġġ ta’ Tama’, li saret fil-Palazz Verdala, taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta, u laqgħet persuni li għaddejjin mill-isfida tal-kanċer u oħrajn li għelbu din il-marda, kif ukoll qraba tagħhom u professjonisti, bl-għan li twassal messaġġ ta’ perseveranza u tama.

Illum ir-rata ta’ fejqan mill-kanċer b’mod globali żdiedet għal 50%, waqt li Malta tinsab fl-ewwel post għall-inqas ammont ta’ mwiet bil-kanċer, u fit-tieni post ta’ pazjenti li salvaw mill-kanċer fl-Ewropa.

Il-President irreferiet għas-settur tas-saħħa bħala wieħed mis-suġġetti fejn m’hemmx lok għal differenzi politiċi, imma għandu jġib l-għaqda bejn il-membri Parlamentari kif ukoll għal bilanċ fil-flus imqassmin fil-budget.

Il-konferenza kienet ukoll ċelebrazzjoni tas-suċċess tal-qasam mediku f’Malta, li bl-avvanzi fit-teknoloġija u l-ħiliet professjonisti mediċi qed tinkiteb storja ta’ suċċess. Dan kien rifless f’diskors mill-Kirurgu tal-Kanċer Ġinekoloġiku, Mark Brincat li spjega kif interventi mediċi speċjalizzati issa saru jsiru f’Malta, u b’hekk kien evitat l-iskariġġ tal-ivvjaġġar lejn ir-Renju Unit, filwaqt li saret tkun ippreservata l-fertilità tal-mara affettwata mill-kanċer tal-utru u l-ovarji.

Hu semma’ storja ta’ suċċess ta’ omm li kellha kanċer, ġiet operata u issa qed tistenna wild, u ommijiet oħra li bit-trattament tal-ormoni wkoll qed jistennew wild.

Matul il-konferenza kienu spjegati wkoll is-servizzi offruti minn diversi entitajiet għall-persuni bil-kanċer, fosthom mill-Malta Community Chest Fund Foundation, li matul din is-sena diġà ltaqgħet ma’ 500 klijent ġdid fil-bżonn ta’ kimoterapija speċjalizzata.

Il-konferenza ‘Raġġ ta’ Tama’ ġiet organizzata mid-Direttorat Cancer Care Pathways fi ħdan l-Uffiċċju tad-Direttur Ġenerali tas-Saħħa.

Fost dawk li indirizzaw din il-konferenza kien hemm ix-Shadow Minister għas-Saħħa, Adrian Delia u l-Ministru tas-Saħħa, Jo Etienne Abela.

Ritratti: OPR