Mara oħra li hi Tajlandiża rrakkontat fil-Qorti kif spiċċat stuprata f’ħanut fejn jingħataw is-servizzi tal-massaġġi wara li żewġ allegati vittmi oħra kienu diġà xhedu f’seduti preċedenti li għaddew mill-istess kalvarju. Il-mara qalet li kien fl-10 ta’ Lulju meta hija ġiet stuprata fuq il-post tax-xogħol tagħha.
Il-mara qalet lill-Maġistrat Kevan Azzopardi li taħdem bħala terapista tal-massaġġi u li xogħolha dejjem kien jikkonsisti f’massaġġi professjonali li jinkludu wkoll terapija biż-żjut. Dan kollu ħareġ meta kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ raġel mill-Gambja li xahrejn ilu tressaq il-Qorti mixli li stupra tliet nisa.
Harona Conateh ta’ 32 sena jinsab akkużat bi stupru f’każijiet li seħħew darba f’Ġunju u darbtejn f’Lulju, fi ħwienet differenti li joffru servizz ta’ massaġġi. L-allegata vittma ta’ Conateh qalet li kien għall-ħabta tal-4.30pm, meta persuna Afrikana daħal fil-ħanut tal-massaġġi, liebes flokk irrigat jistaqsi dwar il-prezzijiet tal-massaġġi.
Sostniet li huwa talab lit-terapista nofs siegħa massaġġi li tinkludi wkoll sess iżda t-Tajlandiża qaltlu li fil-ħanut ma jingħatax dak it-tip ta’ servizz. Ir-raġel hawn staqsa jekk jistax jingħata servizz ta’ massaġġi biss, bix-xhud tagħtih il-kuntatt tal-ħanut sabiex iċempel u jagħmel appuntament għaliex dakinhar hi kellha ġurnata mimlija bil-klijenti.
Il-mara qalet li sa dak il-ħin kollox kien sew fejn ir-raġel telaq mill-ħanut iżda reġa’ tfaċċa wara xi 10 minuti u ordnalha tagħmillu l-massaġġi għaliex ma setax isib ħanut ieħor miftuħ. Hi wriet lir-raġel konversazzjoni tagħha u tal-klijent li daqt kien se jasal, iżda Conateh ma riedx jaf, sar aggressiv u ramielha l-mobile minn idha u ordnalha mill-ġdid tagħtih ‘massage’.
It-Tajlandiża qalet li meta qabdet ir-reġistru tal-appuntamenti sabiex issiblu appuntament, ir-raġel tajjarulha minn idha. Huwa qabadha minn idha, bl-id l-oħra mblokka l-bieb, ħatfilha n-nuċċali tal-vista u ramihula. Ir-raġel mill-ġdid qabadha minn idha t-tnejn u ġibidha bil-forza lejn waħda mill-kmamar tat-trattamenti.
Il-mara pprovat tirreżistih iżda x-xhud qalet li l-forza tiegħu kienet superjuri minn tagħha biex spiċċa jkaxkara sal-kamra waqt li qalilha li “ma jimpurtahx x’kienet qed tgħid hi u li bilfors irid li tagħtih massage”.
Il-mara dak il-ħin qabdet mera tal-ħġieġ li kienet fil-kamra, iżda kif kienet se tagħtih daqqa biha, ħatafielha minn idha u poġġieha mal-art. L-akkużat beda jissara magħha jaħtfilha l-ħwejjeg sakemm eventwalment spiċċat mal-art anke hu bla ħwejjeg.
Il-mara qalet li dak il-ħin kienet bla kliem, iżda ġieha f’moħħha li taħtaf vażun taċ-ċeramika minn taħt il-‘couch’ u titfagħhulu għal wiċċu, iżda l-akkużat irnexxielu jaqbdu mingħajr ma jintlaqat. Huwa fajrilha daqqtejn ta’ ponn f’għajnejha x-xellugija.
Il-mara hawn bdiet tgħajjat għall-għajnuna filwaqt li pprovat tagħtih xi daqqiet b’sieqha. Ir-raġel ħatafha mill-għaksa u neżżagħha kompletament. “Għalxejn se tgħajjat għaliex ħadd ma jista’ jgħinek”, qalilha l-aggressur.
Huwa pprova jsikkitha billi jdaħħlilha biċċa drapp f’ħalqha iżda l-mara rreżistiet. Il-vittma qalet li minkejja li pprovat iżżomm saqajha magħluqin biex tirreżisti l-istupru, ir-raġel missilha l-partijiet viċin ħafna tal-parti tagħha b’idu u laħaq għamel dak li kellu jagħmel, skont hi.
Mit-tieqa tal-kamra, il-mara semgħet ħsejjes minn barra u qalet lill-aggressur li kien wasal il-klijent tagħha. Jidher li r-raġel x’aktarx ippanikja u kien għalhekk li telaq mill-ħanut.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Angele Vella u Nicholas De Gaetano f’isem l-Avukat Ġenerali. L-akkużat qed jiġi assistit mill-Avukat Ilona Schembri.
//= $special ?>