Internazzjonali

Tkompli l-istraġi fil-Libanu: Aktar imwiet u midruba fi splużjonijiet ġodda – b’Iżrael qed jiftaħ ‘fażi ġdida’ tal-gwerra

Civil Defense first-responders carry a man who was wounded after his handheld pager exploded, in the southern port city of Sidon, Lebanon, Tuesday, Sept. 17, 2024.(AP Photo)

Komplew ir-rapporti dwar splużjonijiet ġodda fil-Libanu li għal darb’oħra kkaġunaw il-vittmi u l-eluf tal-midruba madwar il-pajjiż.

Ingħad li diversi tagħmir għall-komunikazzjonijiet – inklużi l-walkie-talkies – kienu qed jisplodu f’Bejrut u bnadi oħra, l-istess bħalma kien seħħ bil-pagers matul il-jum preċedenti.

Bdew jisplodu wkoll ir-radjijiet ‘tal-idejn’ li l-grupp Ħeżbollah kien xtara xi xhur ilu… żvilupp li x’aktarx li jindika l-mod suttili  kif l-aġenti tal-Mossad irnexxielhom iwettqu s-suspettat missjoni tas-sabutaġġ.

Fl-aħħar attakki hemm tal-anqas għaxar mejtin ikkonfermati, b’mijiet oħra jsofru l-ġrieħi f’idejhom, rashom u l-istonku.

Intant  ir-residenti fis-subborgi ta’ Bejrut qed ikunu mwissija biex ma jużawx it-telefon u mezzi oħrajn għall-komunikazzjoni fost ix-xeni kaotiċi fil-kapitali.

Iżrael ma kkummentax dwar l-isplużjonijit, iżda l-Ministru tad-Difiża Iżraeljan Yoav Gallant tenna li pajjiżu, issa, ‘qed jiftaħ fażi ġdida tal-gwerra’ li ilha għaddejja x-xhur fil-Lvant Nofsani.

Dan meta mistenni li l-qawwiet Iżraeljani se jittrasferixxu aktar suldati u riżorsi militari lejn il-fruntiera mal-Libanu biex jikkonfrontaw lill-milizji Xiti tal-Ħeżbollah.

Gallant tkellem ukoll dwar il-ħtieġa għal konsistenza waqt li tenna li Iżrael jeħtieġ il-kuraġġ, id-determinazzjoni u l-perseveranza biex jiffaċċja kunflitt reġjonali daqshekk ikkumplikat.

U ftit tal-ħin ilu, tkellem is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Antonio Guterres, li esprima allarm kbir dwar l-isplużjonijiet li għaddejjin fil-Libanu – u fost rapporti li għaddejjin l-isplużjonijiet simili anki fis-Sirja.,

Guterres ħeġġeġ biex il-partijiet kollha konċernati jistinkaw biex jevitaw l-eskalazzjoni ta’ sitwazzjoni ferm perikoluża u biex Iżrael u l-Ħeżbollah jieqfu mill-kunflitt ta’ xhur biex ir-reġjun jieħu lura ftit tal-istabbiltà.