“Gvern Nazzjonalista se jkun Gvern li se jibqa’ jinvesti sabiex tikber l-ekonomija.”
Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, f’intervista li saritlu mill-ġurnalist tat-Times of Malta, Mark Lawrence Zammit, fi Pjazza Tritoni b’rabta mal-festi tal-Indipendenza. Hu spjega li Gvern Nazzjonalista se jkun Gvern li jibqa’ jsostni t-tkabbir ekonomiku iżda bi prijorità għall-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.
Hawn, Bernard Grech insista li l-elezzjoni li jmiss se jirbaħha l-poplu Malti u Għawdxi. Dan filwaqt li insista li Gvern ġdid Nazzjonalista se jinvesti fl-infrastruttura, se jinvesti fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, se jinvesti fil-ħaddiema, se jinvesti fil-familji u l-anzjani, se jinvesti fil-kwalità tal-ħajja tan-nies.
B’referenza għal pre-budget document tal-Kamra tal-Kummerċ – bit-titlu Time Up, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega li huwa ċar li l-esperti qed jappellaw biex il-Gvern ibiddel id-direzzjoni ekonomika ta’ pajjiżna, minkejja dan il-Gvern immexxi minn Robert Abela qed jibqa’ jkaxkar saqajh quddiem din ir-realtà.
Fejn wiegħed li Gvern Nazzjonalista jrid familji b’saħħithom li jgawdu lil xulxin, u mhux familja li jridu jqattgħu ħafna ħin ix-xogħol sabiex ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja.
Filwaqt li ta garanzija li Gvern Nazzjonalista se jkun qed jinvesti fl-infrastruttura u fin-negozji. Jiddetermina li jkun hawn level playing field fis-suq u li tingħata direzzjoni ċara ekonomika.
Waqt l-intervista, Bernard Grech spjega li se jkun Gvern Nazzjonalista li jimbutta ekonomija sostenibbli, trasformazzjoni diġitali b’mod speċjali fejn tidħol l-intelligenza artifiċjali u ħolqien ta’ aktar impjieg ta’ kwalità.
Intant, meta mistoqsi fuq is-settur tal-kostruzzjoni, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista enfasizza li Gvern Nazzjonalista se jkun qed jinċentiva bini sostenibbli, bini li jirrispetta l-kwalità tal-ħajja tan-nies li joqogħdu fiz-zona u l-kultura ta’ pajjiżna.
Il-ġurnalist Mark Lawrence Zammit, iddiskuta wkoll it-traffiku. Bil-Kap tal-PN Bernard Grech jispjega li Gvern Nazzjonalista se jkun qed jipprijoritizza l-pjaga tat-traffiku li ħakem lil pajjiżna.
Huwa spjega li t-traffiku jista’ jiġi indirizzat billi jinħoloq trasport tal-massa effiċjenti, filwaqt li jiżdiedu l-inċentivi għal dawk li jsuqu r-roti u mezzi oħra ta’ trasport.
Kien il-Kap tal-Partit Nazzjonalista li elenka l-fatt li l-uman għandu jiġi rrispettat dejjem, irrelevanti hux Malti jew barrani. Indirizza l-fatt li għandhom jinħolqu niċċeċ tax-xogħol li mhux labour intensive.
//= $special ?>