BirdLife Malta tilqa’ d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li ngħatat illum, 19 ta’ Settembru, li ddikjarat id-deroga għall-insib ta’ seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana illegali u tmur kontra d-Direttiva tal-Unjoni Ewropea (UE) dwar l-Għasafar. Din is-sentenza temmet l-insib tal-għasafar tal-għana f’Malta.
Meta Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea kienet iffirmat ftehim biex l-insib jispiċċa gradwalment sal-2009. Fl-2014 il-Gvern Malti bidel fehemtu u reġa’ beda jiftaħ l-istaġun għall-insib tal-għasafar tal-għana billi applika deroga taħt l-artikolu (9)1c tad-Direttiva dwar l-Għasafar. Il-Kummissjoni Ewropea kkontestat din id-deċiżjoni u fetħet proċeduri legali ta’ ksur kontra Malta. Fl-2018 il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja kienet iddikjarat l-insib tal-għasafar tal-għana illegali. Wara li seħħ dan, il-Gvern Malti ried jintgħoġob man-nassaba u pprova jerġa’ jdaħħal l-insib tal-għasafar tal-għana bl-iskuża li qed japplika deroga
xjentifika taħt l-Artikolu (9)1a.
L-idea li n-nassaba jaqbdu l-għasafar tal-għana u jeħilsuhom immedjatament, wara li jiċċekkjaw iġorrux xi ċrieket b’dejta xjentifika, kienet farsa li wasslet lill-Kummissjoni Ewropea biex għal darb’oħra tikkontesta din il-prattika quddiem il-Qorti Ewropea – proċess li ntemm illum b’deċiżjoni ċara. Din is-sentenza tibgħat messaġġ ċar li d-deċiżjonijiet relatati mal-għasafar u man-natura għandhom ikunu bbażati fuq xjenza soda. “BirdLife Malta dejjem insistiet li l-Kumitat Ornis għandu jkun ibbażat aktar fuq ix-xjenza. Ilmembri f’dan il-kumitat iridu jkunu kapaċi jifhmu x-xjenza ħalli jkunu jistgħu jagħtu parir tajjeb lill-Gvern. BirdLife Malta kienet l-uniku membru f’dan il-kumitat li vvota kontra din id-deroga għax mill-ewwel jum deher ċar
li din kienet biss skuża li ma kellha ebda valur xjentifiku jew ta’ konservazzjoni.
Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tatna raġun.” – Nicholas
Barbara, Kap tal-Konservazzjoni. “Issa li ngħatat is-sentenza, li hija ċara ħafna, qed nitolbu lill-Gvern biex jirrispettaha u jiddikjara li ma jistax isir aktar insib għall-għasafar tal-għana. Infakkru lill-Gvern li aħna dejjem tajnieh parir tajjeb, anke waqt il-laqgħat tal-Kumitat Ornis. Ħasra li l-parir tagħna dejjem waqa’ fuq widnejn torox u Malta spiċċat il-Qorti. Issa l-Gvern m’għandux għażla ħlief li joqgħod għassentenza tal-Qorti Ewropea.” – Mark Sultana, Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta.
Attachment:
(1) Sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar il-każ C-23/23
(2) Stqarrija għall-Istampa mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja
(3) Filmat li juri l-abbuż mid-deroga tar-riċerka biex jitkompla l-insib tal-għasafar tal-għana:
https://www.youtube.com/watch?v=tQ3KX4qGUIk&t=10