Lokali

Il-Bankini taċ-Ċittadini! — Protesta waqt l-ikla tal-Ħadd kontra t-teħid abbużiv tal-ispazji pubbliċi tagħna

Il-Moviment Graffitti, flimkien ma’ diversi għaqdiet tar-residenti, qiegħed iħeġġeġ lill-pubbliku jingħaqad fi protesta nhar il-Ħadd li ġej kontra l-imwejjed, is-siġġijiet u l-istrutturi kummerċjali li qed joħonqu l-bankini, il-pjazez, it-toroq u l-bajjiet tagħna.

In-nies ser jinġabru fi Triq il-Merkanti fil-12.15pm, ħdejn il-mużew MUŻA.

Minkejja diversi wegħdiet mill-Gvern li se tittieħed azzjoni biex l-ispazji pubbliċi li nħatfu mill-kummerċ jingħataw lura lin-nies, s’issa għadna ma rajna l-ebda forma ta’ azzjoni effettiva jew infurzar serju. Il-ħtif tal-ispazji pubbliċi tagħna mill-kummerċ issa qabeż kull limitu aċċettabbli.

Ħames xhur wara li nedejna l-kampanja “Il-Bankini taċ-Ċittadini”, ser inkunu qegħdin nimmarċjaw fit-toroq tal-Belt Valletta waqt l-ikla ta’ nofsinhar. Ser ngħaddu minn uħud mill-aktar toroq affettwati fejn l-aċċess sigur u bla xkiel għan-nies huwa prattikament ineżistenti.

Id-diversi talbiet tal-għaqdiet tar-residenti, li ġejjin mill-aktar lokalitajiet affettwati, għal tisħiħ tal-liġi attwali, għal infurzar serju, u għal trasparenza fil-mod kif jingħataw il-permessi għal okkupazzjoni ta’ art pubblika, baqgħu qatt ma ġew indirizzati mill-awtoritajiet. Id-diversi talbiet li saru lill-Prim Ministru Robert Abela sabiex niltaqgħu u niddiskutu l-proposti tagħna, s’issa, waqgħu fuq widnejn torox.

It-talbiet jinsabu fuq http://www.ilbankinitaccittadini.org