Quddiem l-intransiġenza tal-Gvern Ingliż fis-27 ta’ Novembru 1962 l-Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier ħabbar fil-Parlament li kien se jitla’ Londra biex jipprepara għal konferenza formali dwar l-Indipendenza ta’ Malta.
F’Diċembru l-Prim Ministru Malti kellu taħditiet f’Londra mas-Segretarju għar-Relazzjonijiet tal-Commonwealth u l-Kolonji, Mr Duncan Sandys. Fl-istess waqt kemm il-Prim Ministru kif ukoll il-Ministru għall-Iżvilupp Industrjali u Turiżmu, Dr Giovanni Felice kienu għaddejjin b’kuntatti ma’ pajjiżi fi ħdan il-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE) dwar xi forma ta’ relazzjoni ta’ pajjiżna mal-komunità li tant kienet qed tissaħħaħ li anke l-Gvern Ingliż – li allura kien il-perċimes biex twaqqfet l-EFTA (European Free Trade Area), għaqda oħra kummerċjali Ewropea li kienet tiġbor seba’ pajjiżi oħra li b’differenza mill-KEE li kienet fil-qalba tal-Ewropa, il-pajjiżi fl-EFTA kienu fil-periferija – ried jissieħeb magħha.
L-EFTA twaqqfet bħala risposta tal-Gvern Ingliż għall-KEE li kienet tiġbor tliet pajjiżi ewlenin tal-Ewropa, il-Ġermanja tal-Punent, Franza u l-Italja flimkien mal-Olanda, il-Belġju u l-Lussemburgu. F’Ġunju l-Ministru Felice kien żar Ruma u Brussell fejn iddiskuta l-prospetti ta’ Malta li tissieħeb fis-Suq Komuni.
Prim Ministru determinat
Id-determinazzjoni ta’ Ġorġ Borg Olivier kompliet issaħħet meta fid-19 ta’ Ottubru tal-1962 il-Partit Nazzjonalista fil-Parlament għadda biex kiseb maġġoranza assoluta ta’ membri parlamentari meta d-deputat tal-Partit Demokratiku Nazzjonalista Għawdxi, Coronato Attard iddeċieda li jingħaqad mal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista.
Hekk il-Partit Nazzjonalista issa kellu 26 deputat f’Parlament ta’ 50 bis-saħħa tal-partiti fil-Parlament taqra hekk: PN 26 deputat; MLP 16-il deputat; Partit tal-Ħaddiema Nsara 4, Partit Demokratiku Nazzjonalista 3 u Partit Kostituzzjonali Progressiv 1.
L-1963 kellha tkun sena ta’ ħidma kbira sew għall-Gvern kif ukoll għall-Partit Nazzjonalista. Fit-tieni kwart tas-sena kont barra l-pajjiż fuq fellowship mill-FAO (Food and Agriculture Organisation) li ħadni għal tliet xhur ta’ żjarat ta’ koperattivi ta’ kull tip, l-aktar dawk tal-agrikoltura, fl-Italja u f’Iżrael.
Qed insemmi dan għaliex waqt li kont Israel ġrat xi ħaġa kurjuża li kompliet saħħet il-fehma tiegħi dwar il-kapaċitajiet ta’ Ġorġ Borġ Olivier. Kont qed nivjaġġja b’taxi lejn Tel Aviv meta s-sewwieq staqsieni min nfejn ġej u jien għedtlu minn Malta. Dan dar fuqi u qalli li Malta hi żgur mmexxija minn Prim Ministru li ma jibżax jgħid dak li jaħseb. Qalli li kien għadu kif sema’ l-aħbarijiet fuq ir-radju fejn intqal li Malta kienet irrifjutat missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti jekk din l-istess missjoni ma żżurx il-pajjiżi li hemm fl-istess missjoni.
Dan imlieni bi kburija u ma nqastx nispjegalu kemm il-Prim Ministru tagħna kien kapaċi anke jekk konna pajjiż żgħir mingħajr riżorsi u konna għadna kolonja. Wara sirt naf li fit-12 ta’ Mejju l-Prim Ministru Borg Olivier kien ikkumenta fil-Parlament dwar dibattitu li kien sar dwar Malta fl-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda. Hu stqarr li jħalli ‘fact finding committee’ tan-Nazzjonijiet Magħquda jżur Malta jekk kumitat simili minn Malta jitħalla jżur dawk il-pajjiżi rappreżentati fuq il-Kumitat biex jaraw kif l-elezzjonijiet jitmexxew f’dawk il-pajjiżi. Id-diskors ta’ Borg Olivier intlaqa’ b’ċapċip kbir.
Waqt li kont Iżrael kelli l-opportunità nsegwi l-progress kbir li kien sar f’dak il-pajjiż. Il-mod kif bidlu d-deżert f’art agrikola, il-bini modern f’Ġerusalemm, Tel Aviv u Haifa. Kelli l-opportunità ngħaddi xi żmien fil-kibutz fejn rajt kif jgħixu dawn in-nies u kif jaħdmu biex jibnu l-ekonomija ta’ stat kontinwament mhedded mill-ġirien tiegħu.
Fuq żjara tal-istazzjon tar-Radju Kol Israel fhimt ukoll taħt liema kundizzjonijiet kienu jaħdmu. L-istazzjon kien fuq il-fruntiera f’Ġerusalemm li dak iż-żmien kien maqsum bejn Israel u l-Ġordan.
Mad-dawra kien hemm xkejjer tar-ramel u f’waqtiet kont anke tisma’ l-ħsejjes tal-ispartar. Dawn il-ħaddiema kienu hekk qrib tal-mewt! M’hemmx dubbju li ammirajt il-kapaċitajiet ta’ dawn in-nies li bnew stat minn xejn, f’nofs ta’ pajjiżi u popli li kienu fi stat ta’ gwerra magħhom u li dan kienu qed juruh minn żmien għall-ieħor.
Fil-bidu tal-1963 l-Avukat Victor Ragonesi, li allura kien Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista li mexxa b’abilità kbira matul il-perijodu li fih il-Partit Nazzjonalista kien għaddej minn kriżi wara li nqasam u minnu ħareġ il-PDN, inħatar Segretarju għar-Relazzjonijiet Pubbliċi fl-Uffiċju tal-Prim Ministru.
Bħala riżultat ta’ din il-ħatra rriżenja minn Segretarju Ġenerali tal-PN. Jiena, li kont ‘runner-up’ biex nidħol fil-Kumitat Eżekuttiv, irċivejt ittra ffirmata minn Oscar Bascietta – li kien addett fis-Segretarija tal-Partit – fejn ġejt infurmat biex nipparteċipa fil-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv li kien imiss.
Victor Ragonesi u Ċensu Tabone
Aktar tard ċempilli Dr Ċensu Tabone, li kien inħatar Segretarju Ġenerali, fejn infurmani li kien hemm żball għaliex filwaqt li Dr Ragonesi kien irriżenja minn Segretarju Ġenerali, ma kienx irriżenja minn membru tal-Kumitat Eżekuttiv. Niftakarni ngħidlu li ma kien ġar xejn iktar u iktar meta kont naf x’kontribut kien kapaċi jagħti l-Avukat Ragonesi. Aktar tard dħalt fl-Eżekuttiv tal-PN bħala rappreżentant tal-Moviment Żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista (MŻPN).
L-1963 bdiet taħt id-dell tar-rundown bl-ewwel Maltin fi stabbilimenti tas-servizzi Ingliżi jingħataw is-sensja u jitilfu l-impjiegi tagħhom. Dan kabbar id-determinazzjoni tal-Gvern immexxi minn Ġorġ Borg Olivier biex jintensifika l-ħidma tiegħu biex pajjiżna jieħu l-Indipendenza. L-1963 kellha tkun is-sena li matulha kellu jitħaffef il-pass biex Malta tieħu s-sovranità tagħha.
L-għajdut dwar it-Tarzna
Kwestjoni serja oħra li ried iħabbat wiċċu magħha Borg Olivier kienet dik tat-tarzna li l-Gvern Ingliż kien għadda lil Baileys. F’Jannar 1963 beda jberraq. Bailey’s ħarrku lill-Gvern Ingliż fost għajdut f’Malta li t-tarzna kienet ser tagħlaq u bil-Gvern Malti jserraħ moħħ il-ħaddiema billi jassigurahom li ma kienx hemm bażi fil-mument għall-allegazzjonijiet li t-tarzna kienet se tagħlaq.
Il-qiegħa kompliet tisħon meta Bailey’s ssensja xi ħaddiema għaliex dawn għamlu strajk ordnat mill-General Workers’ Union. Lejn tmiem ix-xahar ta’ Jannar il-Prim Ministru Borg Olivier iltaqa’ ma’ Christopher Bailey fejn iddiskutew il-qagħda fit-tarzna. Wara rraporta lill-Kabinett. Fi Frar ġie Malta Lord Lansdowne, Ministru tal-Istat għall-Affarijiet Kolonjali għal taħditiet dwar il-qagħda fi-tarzna u fejn sar magħruf li l-kuntratt li r-Royal Navy kellha ma’ Bailey’s ġie temporanjament diferit.
Il-kumpannija Bailey’s sadanittant tat aktar sensji lil ħaddiema li rrifjutaw li jaħdmu s-sahra, li reġgħu ddaħħlu għax-xogħol wara intervent tal-Gvern. Żewġ diretturi ta’ Bailey (Malta) Ltd irriżenjaw. Aktar mal-kobba bdiet titħabbel aktar kiber l-intervent tal-Gvern biex isalva din l-ażjenda importanti li kienet tagħti xogħol lil eluf ta’ Maltin.
Il-Prim Ministru kkonsulta mal-kapijiet tal-partiti, iltaqa’ mal-Kummissarju Ingliż f’Malta, mal-Gvernatur u diretturi ta’ Bailey’s. Wara aktar diskussjonijiet u komunikazzjoni bit-telefon mas-Segretarju tal-Commonwealth u l-Kolonji, fl-14 ta’ Frar 1963 il-Prim Ministru Borg Olivier ħabbar fil-Parlament li l-Gvern Malti kien ser jieħu temporanjament id-dockyard ta’ Bailey’s. Il-Parlament għadda liġi mill-istadji kollha tagħha li kienet tagħtih il-poter li jieħu f’idejh it-tarzna. Fil-ħinijiet bikrin tal-15 ta’ Frar il-Gvernatur ta l-kunsens tiegħu għal din il-liġi wara seduta li baqgħet sejra l-lejl kollu u li ntemmet mingħajr ma ttieħed vot. Dakinhar il-Prim Ministru kkumenta b’mod favorevoli dwar il-‘maturità politika’ tal-partiti fl-Oppożizzjoni u tar-rappreżentanti tal-ħaddiema. Niftakarni seġwejt dan id-dibattitu fil-Kamra u li ma qalx Dr Borg Olivier hu li kien id-dehen politiku tiegħu li wassal biex il-poplu Malti jagħmel din l-ewwel rebħa f’sensiela ta’ rebħiet fuq il-Gvern Ingliż.
Kien ukoll il-bidu tal-iżvilupp ta’ din l-azjenda importanti, li attirat lejha mhux biss kuntratti tar-Royal Navy iżda anke kuntratti kummerċjali, li bdiet tagħti xogħol lil ħafna aktar ħaddiema u li kienet qed tavvanza b’mod mill-aktar qawwi sakemm fl-1970 inbidlet mill-General Workers’ Union f’ballun politiku li tellifha dak kollu li kienet kisbet qabel.
Inħatar bord ta’ amministrazzjoni għat-tarzna magħmul minn Sir Eric Millbourn bħala Chairman, Sir Nicholas Cayzer, Charles Densem u Lord Melchett b’membru ieħor li seta’ jintgħażel mill-Gvern Malti. C.G. Marshall inħatar Reppreżentant Residenti tal-Kunsill tal-Amministrazzjoni tat-tarzna f’Malta.
F’April il-Prim Ministru ħabbar li l-kumpanija tal-bini tal-vapuri Ingliża Swan, Hunter and Wigham Richardson Ltd, kienet inħatret ‘Managing Agents’ tal-Kunsill ta’ Amministrazzjoni tat-Tarzna.
L-ekonomija
Kwestjoni oħra serja li sab ma’ wiċċu l-Gvern Malti ta’ Ġorġ Borġ Olivier kienet l-ekonomija. Appena solva l-problema tat-tarzna l-Gvern Nazzjonalista beda jaħdem fuq din il-problema b’laqgħat fil-Kabinett u mal-Professur W. Stolper u R.G. Helberg li kienu ntbagħtu min-Nazzjonijiet Uniti fuq missjoni ekonomika biex jgħinu lill-Gvern Malti.
Fl-istess waqt il-Gvern kien qed jikkonsolida l-amministrazzjoni tat-tarzna permezz ta’ ħatriet importanti. Il-Gvern beda wkoll jieħu miżuri biex jimmodernizza l-infrastruttura tal-pajjiż li ma kenitx adegwata għall-ħtiġiet ta’ Malta u Għawdex. Miżura importanti f’dan ir-rigward kienet deċiżjoni mill-Kabinett f’Marzu dwar self mill-Bank Dinji għal Power/Water Station fil-Marsa. Dan wara li kien sar ix-xogħol kollu preliminari, anke permezz ta’ żjara ta’ livell għoli fl-Istati Uniti tal-Amerika fejn saru l-kuntatti meħtieġa dwar s-self mill-Bank Dinji.
Ix-xogħol fuq il-bini tal-power station b’100 MW u impjant għad-desalanizzazzjoni ta’ sitt miljun gallun ta’ ilma baħar beda fit-18 ta’ Lulju 1963 wara li l-Ammiraljat fl-istess jum għadda l-art li kienet f’idejh lill-Gvern Malti. Fis-6 ta’ Settembru l-Prim Ministru iffirma ftehim f’Washington, fl-Istati Uniti mal-Bank Dinji għal self ta’ $7.5 miljun għall-bini tal-water/power station.
Fl-istess xahar ukoll il-Prim Ministru Borg Olivier inawgura exchange awtomatiku tat-telefon f’Tas-Sliema. Ħidma oħra bdiet isseħħ fl-oqsma industrjali u turistiċi li kienu maħsuba biex jagħmlu tajjeb għall-postijiet tax-xogħol li kienu qed jintilfu mid-Dipartimenti tas-Servizzi Miltari Ingliżi.
Imħabbra żewġ proġetti kbar
F’Mejju tħabbru mill-Ministru Giovanni Felice żewġ proġetti kbar: dak għall-bini tal-lukanda Hilton, li allura kienet l-akbar katina ta’ l-lukandi fid-dinja u l-bini ta’ fabbrika mix-Chattilon, industrja kbira b’diversi fabbriki fl-Italja b’fabbrika oħra kbira fl-Istati Uniti tal-Amerika li kienet topera bi sħab mal-‘Firestone’. Il-Gvern kien qed jaħdem bla heda biex jinfetħu industrji ġodda b’bini ta’ fabbriki mill-aqwa bi prezzijiet ridotti tal-kera, eżenzjoni mit-taxxa, bl-istalazzjoni ta’ makkinarju mill-aktar modern u b’ħidma biex dak li jiġi prodott ikun esportat.
Il-ħidma li l-Gvern kien qed iwettaq biex isaħħaħ l-ekonomija tal-pajjiż bl-ebda mod ma beditu mil-mira ewlenija tiegħu: dik li jagħmel minn pajjiżna stat sovran. L-Attorney General, il-Professur J.J. Cremona kien ingħata l-inkarigu li jabbozza Kostituzzjoni ġdida għal Malta Indipendenti. Il-Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier kien jiltaqa’ minn żmien għall-ieħor mal-Professur Cremona, kif hu rrapurtat li għamel fil-5 ta’ April u l-25 ta’ Mejju 1963, biex jirrevedi l-progress li kien qed isir. Fis-27 u t-28 ta’ Mejju l-abbozz tal-kostituzzjoni l-ġdida kien diskuss mill-Kabinett.
Ġorġ Borg Olivier ma ħeliex żmien! Fit-12 ta’ Ġunju 1963 ħabbar fil-Parlament li bħala l-ewwel pass lejn l-organizzazzjoni ta’ konferenza f’Londra dwar l-Indipendenza ta’ Malta ġie preparat abbozz dwar kostituzzjoni ġdida li kellu jiġi diskuss sew f’Malta kif ukoll f’Londra. Hu qal li Malta kellha tkun indipendenti fil-Commonwealth, li l-kostituzzjoni kellha tkun waħda monarkika, li kienet intenzjonata li tipprovdi Gvern tal-poplu elett mill-poplu taħt is-sistema proporzjonali li kienet ilha treġi sa mill-1921.
Il-Prim Ministru qal li l-kostitizzjoni tipprovdi għal ċittadinanza Maltija, il-protezzjoni tad-drittijiet individwali tal-bniedem, kontroll parlamentari tal-finanzi u poteri biex ikun salvagwardat in-nazzjon. Il-kostituzzjoni tiżgura wkoll l-indipendenza tal-Ġudikatura u għat-twaqqif ta’ Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, imparzjali u indipendenti.
Fl-20 ta’ Ġunju l-Prim Ministru għadda kopja tal-abbozz tal-Kostituzzjoni tal-Indipendenza lill-mexxejja tal-partiti, iltaqa’ magħhom u kkonsultahom dwar it-taħditiet li kellhom isiru f’Malta dwar il-Kostituzzjoni l-ġdida. Ġimgħa wara bdew taħditiet fl-Auberge d’Aragon bejn rappreżentanti tal-Gvern u l-partiti politiċi taħt il-presidenza tal-Prim Ministru fejn tkellmu dwar l-organizazzjoni u l-proċedura li kellha tiġi adattata fil-Konferenza ta’ Londra li kellha ssir dwar l-Indipendenza ta’ Malta.
Fl-istess xahar żar Malta Duncan Sandys, is-Segretarju tal-Istat għar-Relazzjonijiet tal-Commonwealth u l-Kolonji fejn kellu taħditiet mal-Prim Ministru u mal-mexxejja tal-partiti politiċi. Wara t-taħditiet dwar l-Indipendenza u l-problema ekonomika Sandys ħabbar li l-Gvern Ingliż kien qabel li jpoġġi għad-dispożizzjoni tal-gvern Malti 30 miljun lira Sterlina f’għotjiet u self għal pjan ta’ ħames snin li kien fis-seħħ. Tħabbar ukoll li l-konferenza dwar l-Indipendenza ta’ Malta kienet ser tinżamm f’Londra f’Lulju.
Konferenza f’Londra
Fis-16 ta’ Lulju fetħet f’Marlborough House f’Londra l-Konferenza dwar l-Indipendenza ta’ Malta. Il-Prim Ministru telaq lejn Londra jmexxi delegazzjoni tal-Gvern Malti u tal-Partit Nazzjonalista fit-13 ta’ Lulju.
Folla entużjasta ta’ partitarji nazzjonalisti akkumpanjajna lill-Prim Ministru u d-delegazzjoni li kien imexxi b’kartelluni u bnadar Nazzjonalisti minn fuq it-tarmac sal-ajruplan. Dawk l-okkażjonijiet ma kontx nitlifhom sew għaliex kont nirraporta dak li kien jiġri għall-ġurnal ‘Il-Poplu’ u anke għaliex kont inħoss li m’għandix nonqos. Kienu wkoll l-okkażjonijiet li kont niltaqa’ ma’ Borġ Olivier u ngħidlu xi kelma jew ngħaddilu xi messaġġ.
Id-delegazzjoni tal-Gvern u tal-Partit Nazzjonalista, barra mill-Prim Ministru, kienet magħmula mill-Ministru Giovanni Felice, il-Professur J.J. Cremona, l-Attorney General; Edgar Cuschieri, is-Segretarju Amministrattiv u Dr Victor Ragonesi, is-Segretarju għar-Relazzjonijiet Pubbliċi; il-membri parlamentari l-Avukati G.M. Camilleri, Benny Camilleri u Joseph Cassar Galea u t-tabib Ċensu Tabone li kien Aġent Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista. Fuq l-istess ajruplan ivvjaġġaw delegazzjonijiet mill-Partit tal-Ħaddiema Nsara, mill-Partit Demokratiku Nazzjonalista u mill-Partit Kostituzzjonali Progressiv.
Il-Konferenza dwar l-Indipendenza ta’ Malta tmexxiet minn Duncan Sandys, is-Segretarju tal-Istat għall-Kolonji. Il-konferenza fetħet b’diskorsi mill-Prim Ministru, Ġorġ Borg Olivier u mill-mexxejja tal-Partiti fl-Oppożizzjoni: Dom Mintoff bħala Kap tal-Oppożizzjoni; Toni Pellegrini, Kap tal-PĦN; Dr Herbert Ganado, Kap tal-PDN u Mabel Strickland, Kap tal-PKP.
F’diskors tiegħu l-Prim Ministru tkellem dwar jum storiku għal Malta li kienet fuq l-għatba li tikseb mill-ġdid is-sovranità tagħha. Hu saħaq li fl-elezzjoni tal-1962 kemm il-PN kif ukoll l-MLP rebħu bejniethom 41 mill-50 siġġu parlamentari li juri b’mod ċar lill-elettorat li, jekk eletti, jippressaw għall-indipendenza u għalhekk hu korrett li ngħidu li l-prinċipju tal-indipendenza ġie aċċettat. Ġorġ Borġ Olivier tenna li l-poplu Malti kien qed iħares lejn era ġdida fl-istorja twila tiegħu. Stqarr li ma kienx iħoss li konna f’salib it-toroq, għaliex kif kien jaraha hu kien hemm biss triq waħda quddiemna u darba qegħdin fuqha ma nistgħux għajr inħarsu ’l quddiem. Hu qal li din iktar kienet il-bidu ta’ triq ġdida milli t-tmiem ta’ waħda qadima.
It-taħditiet intemmu mingħajr ebda ftehim. Għalhekk il-ħolma ta’ Ġorġ Borg Olivier li jikseb l-Indipendenza għal pajjiżna sal-aħħar tal-1963 ma setgħetx tiġi realizzata. Minkejja dan kollu Ġorġ Borg Olivier ma qatax qalbu. Infatti qatt ma’ qata’ qalbu minn xejn, lanqas meta kien taħt l-ikbar pressjoni. Baqa’ jaħdem biex jikseb l-Indipendenza għal pajjiżna.
Tkompli għada
//= $special ?>