Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ddikjarat li l-Gvern ta’ Robert Abela naqas milli jħares l-obbligi li jaqgħu taħt id-Direttiva għall-Konservazzjoni tal-Għasafar.
Din id-deċiżjoni iebsa ħarġet dalgħodu, u titratta l-insib għall-għasafar tal-għana.
Il-Qorti Ewropea fil-fatt iddeċidiet li l-Gvern qed jikser din id-direttiva tal-UE, wara li l-Gvern ta’ Robert Abela fl-2020 kien ta bidu għal dak li sejjaħ “proġett” li kien jinvolvi l-insib tal-għasafar tal-għana.
F’Diċembru ta’ dik is-sena, il-Kummissjoni Ewropea kienet kitbet ittra formali lil Malta biex twissi lill-Gvern. U l-każ instema’ f’Marzu li għadda fil-Lussemburgu.
Minkejja dan, il-Gvern ma ppreżentax pożizzjoni konvinċenti biżżejjed quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea.
Sentenza oħra tal-Qorti Ewropea kontra Malta tort tad-deċiżjonijiet ħżiena tal-Gvern
Il-Partit Nazzjonalista jinnota s-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li sabet lill-Gvern Malti ħati li ma osservax l-obbligi tiegħu taħt il-liġijiet tal-UE meta adotta deroga li tippermetti l-insib għall-għasafar tal-għana għal raġunijiet xjentifiċi.
Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti Ewropea qalet li dan imur kontra d-Direttiva Ewropea dwar l-Għasafar.
Ta’ min ifakkar li din hija t-tieni deċiżjoni simili wara li fl-2018 Malta kienet diġà nstabet ħatja dwar l-insib u kienet ordnata twaqqaf kompletament din il-prattika. Sussegwentement il-Gvern fetaħ staġun bl-iskuża tar-riċerka u l-Kummissjoni Ewropea fehmet mill-ewwel li dan kien biss paraventu u reġgħet fetħet Proċedura ta’ Ksur kontra l-Gvern Malti.
Id-deċiżjoni tal-lum turi li l-Gvern Malti ittama, għalxejn, lin-nassaba li se jkunu jistgħu jkomplu jonsbu.
Agħar minn hekk, il-Gvern injora twissija wara l-oħra li rċieva mill-UE u dan wassal biex Malta tittieħed il-Qorti u issa kellha tiffaċċja l-konsegwenzi, u tilfet il-kawża bl-ispejjeż b’kollox.
Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jappella għal djalogu serju mal-Kummissjoni Ewropea u man-nassaba biex jinstab mod kif l-insib ikun possibbli b’mod sostenibbli u permezz ta’ pjan serju li jiżgura li jiġu mħarsa l-interessi tan-nassaba fl-istess waqt li ma jkunx hemm ksur tad-Direttiva dwar l-Għasafar tal-UE.
Minflok, issa għandna sitwazzjoni fejn eluf ta’ nassaba f’pajjiżna ma jistgħux jipprattikaw id-delizzju tagħhom minħabba d-deċiżjonijiet ħżiena tal-Gvern u li minħabba fihom il-Qorti reġgħet iddeċidiet li twaqqaf l-insib.
Il-Partit Nazzjonalista jiddikjara li, kif dejjem għamel, hu jirrispetta kull sentenza li tingħata, ġejja minn fejn ġejja.
Ir-reazzjoni tal-Gvern
Il-Gvern fi stqarrija qal illi qed jirrikonoxxi s-sentenza tal-Qorti, li ddikjarat li element wieħed mid-deroga għar-riċerka applikata minn Malta fis-snin 2020, 2021 u 2022 ma kienx konformi mad-Direttiva dwar l-Għasafar.
Fl-istqarrija, intqal illi bħalissa qed issir analiżi dettaljata tas-sentenza biex jiġu vvalutati l-implikazzjonijiet u t-triq ’il quddiem – għalkemm imkien ma intqal x’se jsir eżatt.
//= $special ?>