60 sena ta’ Malta Indipendenti – indipendenza li fissret bidla sinifikanti f’pajjiżna, u li għadna naraw il-frott tagħha sal-ġurnata tal-lum.
NetNews tkellem mat-tabib Alfred Bonnici – Eks Speaker tal-Kamra tad-Deputati u eks membru parlamentari Nazzjonalista fi żmien il-Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier, fl-eqqel tad-diskussjonijiet sabiex Malta ssir indipendenti mill-kolonjaliżmu tal-Ingliżi.
It-tabib Bonnici spjega li l-ħsibijiet sabiex Malta tkun indipendenti kienu jberrnu sa mill-bidu tas-sittinijiet.
1952 – Il-Pjan tal-Integration
Kienet l-idea tal-Partit Laburista mmexxi minn Dom Mintoff li ħareġ bl-idea tal-integration. Fejn il-pjan kien li Malta tinqasam fi tliet distretti, u għalhekk jintbagħtu tliet membri l-House Of Commons. Bil-pjan li fi żmien għoxrin sena l-Maltin ikunu parità mal-Ingliżi f’servizzi soċjali u pagi fost l-oħrajn.
Wara l-elezzjonijiet tal-1952 bdew id-diskussjonijiet sabiex tibda l-integration bejn iż-żewġ pajjiżi.
It-tabib Bonnici spjegalna li wara sena, sentejn, id-diskussjonijiet ma kenux sejrin kif mixtieq u għalhekk il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Dom Mintoff wasal għall-konklużjoni li l-integration ma ssirx.
Diċembru 1957 – Break with Britain Resolution
Kien Diċembru tal-1957 li Gvern Laburista u l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qablu li pajjiżna għandu jimxi għall-Indipendenza.
1958 – Jirreżenja l-Prim Ministru Dom Mintoff
It-tabib Bonnici kompla jispjega li wara li d-diskussjonijiet mal-Gvern Ingliż baqgħu ma wasslu mkien, il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Dom Mintoff iddeċieda li jirreżenja.
Fid-dawl ta’ dan, il-Gvern Ingliż issospenda d-diskussjonijiet dwar il-kostituzzjoni u għalhekk għaddew għand il-Council of Administration kompost minn ftit persuni nominati li kienu Ingliżi u Maltin.
1961 – Hilary Blood Commission
Bonnici fisser kif oriġinarjament kienet il-Hilary Blood Commission li ħejjiet il-Kostituzzjoni għal Malta – kostituzzjoni li la Dom Mintoff u lanqas Ġorġ Borg Olivier ma qablu magħha.
Dan fid-dawl tal-fatt li kienet din il-Kummissjoni li tikkmanda l-Pulizjia, l-ġudikanti u l-ogħla entitatjiet ta’ pajjiżna. Kien għalhekk li sar ftehim bejn Mintoff u Borg Olivier sabiex jiġu kkontestati l-elezzjonijiet tal- 1962 – u jekk tintrebaħ il-maġġoranza, il-Parlament m’għandux jissejjaħ qabel jitneħħew dawn il-kundizzjonijiet mill-kostituzzjoni.
Budget ta’ 1.8 miljun lira
Il-Prim Ministru Borg Olivier kien irnexxielu jikseb Budget ta’ aktar minn miljun lira wara li l-Gvern Ingliż ried jagħti lill-pajjiżna Budget ta’ 100,000 lira biss.
Kien hawn li l-Prim Ministru George Borg Olivier talab uffiċjalment għall-Indipendenza ta’ Malta.
Tittieħed deċiżjoni mill-Parlament Malti
Intant, Ġorġ Borg Olivier ressaq it-talba ta’ Malta Indipendenti bil-kostituzzjoni li ħadem għaliha Borg Olivier innifsu fil-Parlament Malti, bil-parlament jaqbel li Malta għandha tkun indipendenti, b’kostituzzjoni li ma kellha ebda kundizzjonijiet tal-Ingliżi.
Referendum: “Taċċetta l-kostituzzjoni kif għaddiet mill-Assemblea Leġiżlattiva kif inhi proposta mill-Gvern?”
Kien il-ħsieb ta’ Ġorġ Borg Olivier li issa, kien imiss li l-poplu Malti jagħżel jekk pajjiżna jkunx indipendenti, mmexxi mir-Reġina u b’kostituzzjoni mixtieqa mill-parlament.
Bil-Gvern Ingliż jaċċetta l-kostituzzjoni mfassla minn Ġorġ Borg Olivier, wara li sar ir-referendum.
Ġorġ Borg Olivier jasal Malta bid-data tal-21 ta’ Settembru
It-tabib Bonnici spjega wkoll li kien Ġorġ Borg Olivier li lura fl-1962 – bħala Prim Ministru ta’ dak iż-żmien – kien wera r-rieda li pajjiżna jagħmel parti mill-komunità tal-Ewropa.
Huwa spjega wkoll x’inhu s-sinifikat illum ta’ Malta Indipendenti, u li kieku ma kienx għall-Indipendenza li kiseb Gvern Nazzjonalista, pajjiżna ma kienx ikun dak li huwa llum il-ġurnata.
Alfred Bonnici fisser lil Borg Olivier bħala bniedem ta’ viżjoni kbira; Prim Ministru li sa mill-1962 ra l-importanza tal-għaqda ta’ pajjiżna – bħala stat Indipendenti, mal-komunità Ewropea.
Ritratt: Inviti għaċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Malta Indipendenti
//= $special ?>