Kunsilli Lokali Lokali

“Il-lift ta’ Bieb il-Belt aktar ma jaħdimx milli jaħdem – is-Sindku jrid jara x’se jagħmel”

Il-lift ta’ fejn Bieb il-Belt għal darb’oħra reġa’ weħel.

Bosta huma dawn li fl-aħħar xhur u ġimgħat ilmentaw kemm-il darba mal-kamra tal-aħbarijiet ta’ Net News, bin-nuqqas ta’ effiċjenza fis-servizz li qed jieħdu kemm ir-residenti kif ukoll dawk kollha li ta’ kuljum ġejjin u sejrin fil-belt kapitali.

Net News huwa infurmat li dalgħodu l-lift reġa’ weħel, b’żewġ anzjani fih.

Jidher li dawn iż-żewġ persuni kienu sfurzati jitilgħu l-imsemmi lift minħabba l-fatt li t-taraġ ma kienx aċċessibbli dak il-ħin minħabba konferenza tal-aħbarijiet li kienet qed tiġi organizzata – bis-Sindku Olaf McKay preżenti.

Persuni li tkellmu magħna saħqu li waqt li kien għaddej l-indirizz tal-konferenza tal-aħbarijiet, jidher li qam kaos inevitabbli.

Huma spjegaw ukoll li filwaqt li jifhmu li l-użu kontinwu tiegħu, hemm ċans li jwassal għal ħsarat… din hija ġrajja li qed iseħħ ta’ spiss mingħajr qatt ma tiġi indirizzata serjament.