Ekonomija Lokali

Il-Ministru Owen Bonnici jgħid li l-iskema Stabbiltà kellha impatt pożittiv

Bonnici jgħid li hawn it-traffiku kawża tal-ekonomija

Fl-aħħar jiem il-Gvern indika b’mod mill-aktar ċar li se jkun qiegħed itemm l-iskema Stabbiltà – skema li kienet iddaħlet fid-dawl taż-żieda drastika fl-għoli tal-ħajja u l-prezzijiet.

Filwaqt li diversi esperti u msieħba soċjali saħqu li l-iskema ftit li xejn ħalliet effett, anke minhabba li t-tip ta’ oġġetti kienu limitati ħafna, il-Gvern baqa’ jisħaq li din l-iskema ħalliet impatt kbir.

Tal-istess fehma l-Ministru Owen Bonnici.

Ftit ġranet biss wara li insista li se jżomm din l-iskema, fl-aħħar jiem il-Prim Ministru Robert Abela indika li kien se jwaqqafha għaliex l-inflazzjoni – skont hu – laħqet livelli baxxi. Dan minkejja li meta ġiet introdotta l-iskema lura fi Frar tal-2024, l-inflazzjoni kienet ta’ 2.3% inqas milli proprju kienet f’Awwissu, hekk kif kienet ta’ 2.4%.

Minkejja dan, il-Ministru Owen Bonnici saħaq li huwa minnu li l-għoli tal-ħajja qed jonqos.

U mistoqsi dwar il-fatt li hemm MEP Laburista li qed jitlob li jsir studju dwar jekk fil-verità t-traffiku żdiedx, Bonnici saħaq li jekk l-ekonomija tikber huwa inevitabbli li jiżdied it-traffiku u li l-Ministru Chris Bonett qed jaħdem biex itaffi mill-pressjoni – hekk kif ninsabu ftit tal-jiem biss ‘il bogħod minn sena akkademika ġdida.

Finalment ,mistoqsi dwar il-Kap Eżekuttiv taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti Norma Saliba u x’se tagħmel issa li ħarġet b’mod mill-aktar partiġjan u kkontestat għal President tal-Labour mingħajr suċċess, il-Ministru Owen Bonnici saħaq li se tibqa’ tokkupa din il-kariga u jekk tmur lura l-PBS, la darba hija seconded, jittieħdu l-passi dakinhar.