“Il-Partit Nazzjonalista impenjat sabiex jara aktar xogħlijiet u pilastri ekonomiċi ġodda fil-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna”.
Hekk stqarr il-Kap tal-PN Bernard Grech waqt żjara li għamel fl-impjant tal-kumpanija Delta. Bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista jagħmel enfasi dwar l-importanza li pajjiżna jibqa’ jattira investiment teknoloġiku, għaliex l-innovazzjoni tibqa’ settur ewlieni fl-ekonomija ta’ pajjiżna, filwaqt li tippermetti aktar jobs ta’ kwalità.
Bernard Grech spjega ma’ Net News kif fiż-żjara tiegħu ltaqa’ ma’ ħaddiema li raw avvanz fil-karigi rispettivi li għandhom f’din il-kumpanija. U għalhekk insista li Gvern ġdid Nazzjonalista hu determinat li jkompli jara ħaddiema jikbru fil-professjonijiet tagħhom.
Bernard Grech tenna li Gvern Nazzjonalista huwa impenjat sabiex fil-mudell ekonomiku li l-PN irid jiżviluppa għal pajjiżna, jeħtieġ aktar xogħlijiet u pilastri ekonomiċi ġodda – jobs li joffru pagi aħjar, u kwalità ta’ ħajja aħjar għall-ħaddiema u l-familji tagħhom.
Il-kumpanija Delta tissupplixxi sistemi ta’ dawl għal skop industrijali. U l-unika fabbrika li għadha tinsab f’pajjiżna. Delta tħaddem mal-140 ħaddiem fuq bażi full time – b’90% ta’ dawn il-ħaddiema jkunu Maltin.
Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll ix-Shadow Minister Ryan Callus.
//= $special ?>