Il-Kummissjoni Ewropea qed tniedi kampanja fuq il-midja soċjali dwar l-istat tad-dritt. Permezz ta’ din il-kampanja ta’ komunikazzjoni, il-Kummissjoni għandha l-għan li tressaq l-idea tal-istat tad-dritt eqreb taċ-ċittadini tal-UE u li tqajjem kuxjenza dwar l-impatt tiegħu fuq il-ħajja ta’ kuljum tan-nies. Il-kampanja se tiffoka fuq is-sitt prinċipji ewlenin li jiddefinixxu l-istat tad-dritt permezz ta’ animazzjonijiet mill-artist u illustratur rinomat Christoph Niemann.
L-istat tad-dritt imressaq eqreb lejn iċ-ċittadini
L-għan ta’ din il-kampanja madwar l-UE kollha huwa li tressaq il-kunċett astratt tal-istat tad-dritt eqreb lejn iċ-ċittadini tal-UE u tenfasizza l-influwenza tanġibbli tiegħu fuq il-ħajja ta’ kuljum tagħhom.
Il-kampanja se tiffoka fuq is-sitt prinċipji ewlenin li jiddefinixxu l-istat tad-dritt: l-ugwaljanza quddiem il-liġi, iċ-ċertezza tal-liġi, il-projbizzjoni tal-arbitrarjetà, l-indipendenza ġudizzjarja, il-legalità u s-separazzjoni tas-setgħat.
Malta: iċ-ċittadini jqisu l-istat tad-dritt b’rispett kbir
Il-ħtieġa għal din il-kampanja ta’ komunikazzjoni hija ċara: Filwaqt li ċ-ċittadini madwar l-UE jagħtu valur lill-istat tad-dritt, jistgħu jixtiequ li jkunu infurmati aħjar dwar xi jfisser fil-fatt il-kunċett fil-prattika.
F’Malta il-maġġoranza kbira (90%) tan-nies iqisu li huwa essenzjali jew importanti li l-Istati Membri kollha tal-UE jirrispettaw il-valuri ewlenin tal-UE, inkluż l-istat tad-dritt. Meta mqabbla, ir-riżultati juru li 62% jħossuhom infurmati tajjeb dwar l-istat tad-dritt.
Il-kunċett tal-animazzjonijiet
Biex jagħmel dawn il-prinċipji astratti aktar faċli biex jinftehmu, l-artist u illustratur Ġermaniż Christoph Niemann, li x-xogħol tiegħu jidher regolarment fuq il-faċċati ta’ The New Yorker, National Geographic u The New York Times Magazine, ħoloq sitt vidjos animati sempliċi imma qawwija biex jinforma liċ-ċittadini dwar l-istat tad-dritt permezz tal-istejjer u bl-użu tal-isport bħala metafora.
Is-serje ta’ animazzjonijiet se tixxerred fuq il-midja soċjali fis-27 Stat Membru kollha tal-UE għal perjodu ta’ erba’ ġimgħat.
Materjali tal-kampanja
Il-materjali kollha tal-kampanja huma disponibbli biex jitniżżlu minn din il-paġna f’kull lingwa uffiċjali tal-UE.
//= $special ?>