F’għeluq l-20 anniversarju ta’ Drachma LGBTI, saret quddiesa mmexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna f’Mount St Joseph, il-Mosta. Għall-quddiesa kienu preżenti membri minn Drachma LGBTI kif ukoll minn Drachma Parents.
Ispirat mill-Kapitlu 15 ta’ San Luqa, fl-omelija tiegħu l-Arċisqof spjega xi tfisser il-kelma ‘drakma’ (munita) u abbinaha ma’ oġġett prezzjuż, “xi ħaġa ta’ min ifittixha u li meta ssibha tagħmel festa. Nixtieq li kull wieħed u waħda minna jkollu din il-persważjoni li hu prezzjuż.”
Huwa saħaq li “kulma ħalaq Alla huwa tajjeb, u Alla jixtieq il-ħajja u mhux il-mewt għall-ħlejjaq tiegħu, għax Alla huwa ħaj u veru, u huwa mħabba. Meta jħares lejna, jarana bħala wlied għeżież tiegħu.”
L-Arċisqof jispjega kif is-sejba tad-drakma “hija stedina li nkunu rikonċiljati, l-ewwel nett magħna nfusna. Inti tħobb lilek innifsek? Inti rikonċiljat miegħek innifsek u mal-istorja ta’ ħajtek? Inti rikonċiljat mal-persuni li l-Mulej laqqgħek magħhom? Jista’ jkun li aħna l-bnedmin inweġġgħu lil xulxin, ninqdew b’xulxin u nisfruttaw lil xulxin. Irridu nkunu rikonċiljati mal-passat tagħna u ma’ dak li għaġinna biex aħna jkollna serħan il-qalb u l-moħħ. Irridu nkunu rikonċiljati wkoll ma’ Alla.”
//= $special ?>