Lokali

L-ebda assigurazzjoni li x-xogħol fit-toroq se jkun lest qabel il-ftuħ tal-iskejjel

Hekk kif il-gimgħa d-dieħla ser jerġgħu jinfetħu l-bibien tal-iskejjel f’pajjiżna, huwa mistenni li t-traffiku jiżdied drastikament. Dan meta wieħed iqis l-ammont ta’ studenti u għalliema li ser jkunu qed jivvjaġġaw ta’ kuljum lejn l-iskejjel.

Transport Malta, minn naħa tagħha, qed tgħid li fasslet xi forma ta’ pjan biex tiġi indirizzata din il-problema kbira tat-traffiku speċjalment f’dawn iż-żminijiet.

Fil-fatt, il-Gvern qed jgħid li hemm bżonn jintlaħaq bilanċ immedjat u jinstabu soluzzjonijiet li jindirizzaw dawn il-problemi bi pjan fit-tul; għalkemm dan is-suppost pjan għadu ħadd ma jafu.

Transport Malta qed tgħid biss li se tpoġġi 55 uffiċjali tal-infurzar f’rotot partikolari sabiex jaraw l-andament tat-traffiku.

Barra minn hekk, ser jitpoġġew ukoll disa’ muturi statiċi, u mutur ieħor li ser ikun iktar flessibli biex jintervjeni f’każ ta’ xi inċident. Dan ifisser li hemm biss mutur wieħed li se jkun flessibbli b’dan il-mod.

Il-Gvern ħabbar li apparti minnhekk, se jiġu sospiżi l-permessi ġodda għal xogħlijiet fit-toroq li huma viċin l-iskejjel.

U fil-ħinijiet li l-aktar is-soltu jkun hemm traffiku, mhux se joħroġ l-ebda permess bejn is-sitta u d-disgħa u nofs ta’ filgħodu biex ma jingħalqux it-toroq. Madanakollu meta Transport Malta ġiet mistoqsija jekk hux ser iserraħ moħħ in-nies li toroq bħal tal-Barrani u Ħal Qormi hux se jkunu lesti sal-ġimgħa d-dieħla, baqgħet ma ngħatat ebda assigurazzjoni.

Intqal biss li jekk dawn ix-xogħlijiet ma jkunux konklużi… jistgħu jitkomplew matul illejl.