Hu ċar għal kulħadd li l-Gvern Laburista m’għandux idea kif se jibda jsolvi l-problemi kbar li ħoloq hu stess fil-qasam tas-saħħa. Tant jinsab dahru mal-ħajt u bla viżjoni, li lanqas dak li ppropona hu stess sa sena ilu mhu qed isostni.
Dan qalu fi stqarrija, ix-Shadow Minister għas-Saħħa Adrian Delia.
Fl-aħħar jiem, il-Ministru tas-Saħħa Jo Etienne Abela qal li l-Hub tas-Saħħa fit-Tramuntana m’għadux prijorità għall-Gvern, u li min hu min-naħa ta’ fuq jista’ jinqeda Għawdex jekk irid.
Hekk jittratta lill-pazjent dan il-Gvern.
Sadanittant la dawk tan-naħa ta’ fuq mhuma qed jinqdew fiz-zona tagħhom, u lanqas dawk min-naħa t’isfel, hekk kif il-Hub ta’ Raħal Ġdid, li tħabbar tmien snin ilu, għadu bil-bibien magħluqa, tliet snin wara d-data li fiha suppost beda jilqa’ l-pazjenti.
Imma l-Gvern minflok qed jipprova jsolvi dawn il-problemi u aktar, qed jinħela f’attakki banali kontra l-Oppożizzjoni u jrid jipprova jagħti x’jifhem li l-Partit Nazzjonalista xi darba tefa’ t-tort ta’ dan kollu fuq il-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa.
Il-Partit Nazzjonalista dejjem kien fuq quddiem biex ifaħħar u japprezza l-isforzi kbar li qed jagħmel kull wieħed u waħda mill-ħaddiema tagħna fil-qasam tas-saħħa. Huma dawn il-ħaddiema li qed isostnu lil dan is-settur u li qed jagħmlu minn kollox biex il-pazjent jinqeda akkost ta’ kollox u minkejja n-nuqqasijiet kbar li hemm riżultat tal-inkompetenza tal-Gvern.
Il-Gvern jinfexx jattakka għax ma jafx minn fejn se jibda, imma dan mhux il-mod kif għandha ssir il-politika. Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jestendi l-id tal-ħbiberija u joffri l-għajnuna tiegħu.
L-ewwel ma jrid isir hu li l-Gvern jammetti li għandu problema. Imbagħad nistgħu nibdew naħdmu flimkien biex insolvuha, l-ewwel u qabel kollox għall-ġid tal-pazjent Malti.
//= $special ?>