Sport

San Ġwann Pro Evolution Academy jirbħu t-Twanny Agius Good Conduct Cup

San Ġwann Pro Evolution Academy rebħu t-Twanny Agius Good Conduct Cup meta fil-finali għelbu lil Ta’ Ġiorni Wanderers wara l-għoti tal-penalties.

Din kienet it-tieni edizzjoni ta’ din il-kompetizzjoni li tfakkar lill-mibki iżda qatt minsi president tal-MAFA, Twanny Agius, u laqqgħet erba’ timijiet li matul l-istaġun li għadda rċevew l-inqas karti sofor u ħomor.

Fis-semifinali, San Ġwann Pro Evolution għelbu lil Balluta Barracudas 1-0, bl-uniku gowl jiġi skorjat minn Alex Bodin.

Anke Ta’ Ġiorni Wanderers kisbu l-istess skor kontra Naxxar Victorians, bil-gowl rebbieħ jasal permezz ta’ Leonard Farrugia.

Il-finali bejn San Ġwann Pro Evolution Academy u Ta’ Ġiorni Wanderers irriżultat f’waħda ferm bilanċjata bl-iskor finali jkun dak ta’ 1-1.

Kienu San Ġwann li marru minn fuq permezz ta’ Elyas Ngombe iżda ftit minuti wara, Neeraj Bharwani ġab l-iskor indaqs. Bil-logħba li baqgħet ma żblukkatx, fl-għoti tal-penalties, kienu San Ġwann li rebħu 5-4.

Fi tmiem il-konfront, Mary Agius, mart Twanny Agius, ippreżentat it-tazza lill-captain ta’ San Ġwann Pro Evolution Academy.