Żagħżugħ ta’ 24 sena residenti Bormla u li huwa magħruf sew mal-Pulizija, ġie kkundannat seba’ snin ħabs mill-Maġistrat Rachel Montebello wara li nstab ħati li ta n-nar il-karozza tal-eks tfajla tiegħu fl-Isla u għamel ħsara ta’ €5,500 fuq l-istess vettura. Żewġ karozzi oħra wkoll sofrew f’eluf ta’ ewro fi ħsara.
Omar Djelassi, li ngħata diversi opportunitajiet mill-Qorti biex jirriforma ruħu, nstab ħati li wettaq dan ir-reat waqt li kien ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq każ ieħor u kiser l-ordnijiet imposti fuqu mill-Qorti. Il-Prosekuzzjoni qalet li meta Djelassi qabbad il-karozza tal-eks tfajla tiegħu, li kienet tintuża minn ommha, inħarqet ukoll il-faċċata ta’ dar u karozza oħra pparkjata fl-inħawi.
L-eks tfajla tal-akkużat qalet li kellha wild miegħu iżda r-relazzjoni bejniethom kienet ilha xi sentejn li waqfet. Hi qalet li diġà kien inħareġ ordni ta’ protezzjoni favur tagħga għaliex Djelassi kien qed jheddidha fuq Facebook u li diġà kien ġie kkundannat mill-Qorti fuq theddid ieħor lejha.
F’Mejju tas-sena l-oħra hu kien ħa over il-profil ta’ Facebook tagħha u użah biex jibgħat theddid lilha u lil ommha. Il-Qorti dakinhar kienet poġġietu taħt ordni ta’ probation għal tliet snin. It-theddid ta’ Omar Djelassi kien tant serju li l-Forzi Armati ta’ Malta bagħtet lit-Taqsima tagħha tal-‘bomb disposal unit’ biex tiċċekkja l-vettura tal-eks kunjata tiegħu, wara li Djelassi wissieha biex ma’“tpoġġix t-tfal fil-karozza għada.”
F’messaġġ ieħor, Djelassi kien kitbilha: “Lanqas se tkun taf x’ġara, għax niftaħlek rasek bħal Bibbja. U tiġborx it-tfal mill-iskola għax ma jkollix ħniena.” L-eks kunjata tiegħu rrakkontat ukoll kif kien jibgħatilha messaġġi jikkummenta dwar dak li kienet liebsa jew il-karozza l-ġdida tagħha, jew jibgħatilha ritratti tagħha stess dakinhar, u li ġegħelha tibża’ għas-sigurtà tagħha u dik tal-familja tagħha.
Huwa kien bagħat il-messaġġi fuq perjodu ta’ ftit ġranet f’Jannar tal-2021, wara li hu u l-eks sieħba tiegħu infirdu wara relazzjoni ta’ sentejn. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija kienu żvelaw li l-profili użati biex jintbagħtu l-messaġġi ta’ theddid – l-ewwel wieħed li kien tal-eks tiegħu, u wara minn profil ieħor ġdid, li kienu kollha marbuta mal-akkużat.
Fl-aħħar sentenza mogħtija lilu relatata mal-ħruq tal-vettura, il-Qorti semgħet kif Djelassi ħoloq profil falz fuq Facebook u r-ritratt li uża kien tal-eks tfajla tiegħu u tas-sieħeb attwali tagħha. Wieħed mill-kummenti li ntbagħat mill-profil kien “illejla ħa tieħu qatgħa akbar milli ħadet ommok għax bla dar ħa tispiċċa forsi tkun ġo fiha. Avolja diġà striħajt għax il-karozza ta’ ommok ħadet in-nar ħaħħa. Għaddilha dal-messaġġ l-għażiża bintek”.
Messaġġ ieħor kien dwar il-karozza ġdida li xtrat omm l-eks tfajla tiegħu u fil-messaġġ, saret theddida li l-akkużat ħa jitfa’ l-petrol fuqha u jaħraqha. Il-Qorti qalet li ttieħdu l-indirizzi IP tal-profil falz u nstabet evidenza konkreta li l-messaġġi ntbagħtu minn Djelassi.
Dan apparti li ttieħdu l-filmati tal-cameras tas-sigurtà fiz-zona u dawn juru persuna tħaffef lejn Bormla lil hinn mill-Isla. Filwaqt li l-Qorti tenniet li dawn waħedhom ma jfissrux li Djelassi ħaraq il-vettura, xorta kienu ammissibbli jekk ġew ikkorraborati minn evidenza oħra.
Il-Qorti qalet li huwa evidenti li min bagħat il-messaġġi ta’ theddid hi l-istess persuna li ħarqet il-karozza. Mill-evidenza quddiemha, il-Qorti qalet li hija sodisfatta li l-persuna kienet Djelassi. L-esperti tal-Qorti kkonfermaw li l-faċċata tad-dar li qabdet fl-inċident ġarrbet ħsarat ta’ €5,500 filwaqt li l-vetturi ġarrbu ħsarat ta’ €1,300 u €1,800 rispettivament.
Il-Qorti kkonkludiet li Djelassi qatt ma wera rimors għal għemilu, ibati bil-vizzju tad-droga li jidher li qatt ma ndenja jindirizzaha, u “huwa theddida għas-soċjetà”. Djelassi ġie kkundannat ħames snin ħabs talli ħaraq il-vetturi u l-faċċata tad-dar u sentejn oħra talli wettaq reat meta kien ingħata sentenza sospiża.
Huwa ġie ordnat iħallas €4,474 fi spejjeż tal-Qorti, kif ukoll iħallas €8,300 lill-vittmi tiegħu fi żmien sitt xhur. Dan apparti li malli joħroġ il-ħabs, se jiġi ordnat ma javviċinax lill-vittmi għal tliet snin u ġie ordnat ukoll isegwi programm ta’ tliet snin għat-trattament tal-ADHD.
L-Ispetturi Mario Xiberras, Jeffrey Scicluna u Darren Buhagiar mexxew il-Prosekuzzjoni. L-avukat Ishmael Psaila rrappreżenta liż-żagħżugħ.
//= $special ?>