Lokali

Budget 2025: Jitolbu għal aktar fondi u pagi ġusti

Is-settur kreattiv f’pajjiżna għandu potenzjal li jkabbar l-ekonomija, li  jofri sens ta’ għaqda kif ukoll li joħloq identità kulturali. Però, in-nuqqas ta’ fondi għal dan il-qasam qed joħloq żbilanċ li jwaqqaf lil dan is-settur milli jilħaq il-potenzjal kollu tiegħu.

Hekk sostniet l-Assoċjazzjoni tad-Divertiment u l-Arti fid-dokument li fih nediet il-proposti għall-Budget 2025, hekk kif minkejja l-potenzjal kollu li għandhom l-artisti f’Malta, xorta waħda qed jibqgħu b’inqas fondi, b’nuqqas ta’ apprezzament kif ukoll mingħajr pjan ekonomiku sostenibbli fit-tul.

Fost oħrajn l-MEIA, qed titlob għal żieda ta’ €2 miljun għall-Kunsill tal-Arti, speċifikament sabiex ikun ta’ sostenn għal Iscreen Support Fund u l-Arts Support Fund tal-artisti u l-produtturi lokali.

L-MEIA qed titlob reviżjoni fit-taxxa li jħallsu l-artisti u l-professjonisti, kif ukoll regoli għal pagi ġusti għal kull ħaddiem f’din l-industrija.

Barra minn hekk, qed jitolbu biex tinħoloq għajnuna legali u finanzjarja biex tassisti lil professjonisti, kif ukoll inċentivi biex dawk li jikru l-proprjeta tagħhom lil artisti jħallsu t-taxxa b’rata differenti filwaqt li l-artisti jiggwadanjaw minn rati ta’ renta li jkunu orħos.