Lokali

“Dan hu t-timbru tal-PN – partit li dejjem biddel l-istorja u li se jkompli jbiddel l-istorja” – Bernard Grech

“Pajjiżna għandu bżonn Gvern Nazzjonalista li jmexxih ‘il quddiem.”

Kien dan il-messaġġ b’saħħtu li twassal mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, hekk kif ftit tal-ħin ilu ntlaħaq il-qofol tal-festi tal-Indipendenza bil-mass meeting fi Pjazza Tritoni.

Fid-diskors tiegħu, Bernard Grech spjega illi l-Partit Nazzjonlista huwa l-partit illi qatt ma beża’, u li kien il-partit illi 60 sena ilu, ma beżax jieħu r-responsabbiltà sabiex Malta ssir indipendenti. Filwaqt li 20 sena ilu ma beżax jingħaqad mal-Unjoni Ewropea.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar kif Gvernijiet Nazzjonalista dejjem wettqu politika differenti, politika li serviet lill-poplu Malti u Għawdxi, politika li dejjem ħalliet lil pajjiżna javvanza. Kif għamel Ġorġ Borg Olivier 60 sena ilu, flimkien ma’ diversi persuni oħra bħal Victor Ragonesi.

Persuni li ħolmu u welldu Malta Indipendenti, pajjiż li 60 sena ilu witta t-triq sabiex Malta ssir Repubblika u biex Malta ssir ħielsa u membru tal-Unjoni Ewropea.

60 sena li matulhom pajjiżna nbena fuq pedamenti sodi, pedamenti li fasslu l-karattru ta’ pajjiżna, li fasslu ġid li jibqa’ jintiret.

Bernard Grech spjega illi għal-kuntrarju ta’ dan, minħabba deċiżjonijiet ta’ Gvern Laburista, il-pajjiż Malti li qed ngħixu fih, mhux wieħed illi għadu jagħraf il-votant. Filwaqt li enfasizza li 60 sena wara l-kisba importanti tal-Indipendenza – il-gżejjer Maltin m’għadhomx jintagħrfu xejn.

Bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista jelenka diversi fatti illi wasslu għal dan; il-kostruzzjoni permanenti, permessi u regoli li mhux irrispettati, in-nuqqas ta’ pjan ta’ Gvern Laburista li ma fassalx pjan għat-traffiku, l-infrastruttura, l-elettriku, is-sistema tad-drenaġġ, il-kwalità tal-ħajja u finalment il-ġbir tal-iskart.–

Huwa semma’ wkoll il-fatt illi Gvern Laburista mmexxi minn Robert Abela ma jaċċettax prinċipju bażiku ta’ pajjiż demokratiku – cioè li l-Pulizija għandhom ir-rwol sabiex jipproteġu s-saltna tad-dritt u liċ-ċittadini u mhux il-ħażen u min iwettqu. B’Bernard Grech ifakkar illi Gvern Laburista biddel seba’ Kummissarji tal-Pulizija fi 11-il sena biss.

Intant, Bernard Grech tkellem ukoll dwar il-korruzzjoni – illi llum il-ġurnata, saret parti mis-sistema politika ta’ Gvern mmexxi minn Robert Abela, għaliex dan il-Gvern żera’ l-korruzzjoni fis-sinsla ta’ dan il-Gvern. Hija din raġuni oħra li Malta ma għadiex li kienet fil-passat.

Huwa ħabba dan kollu li l-poplu Malti u Għawdxi qed jerġa’ jitfa’ ħarstu ‘l quddiem. Dan sabiex il-familji Maltin jgħixu f’pajjiż fejn sistema edukattiva tagħti ċ-ċans lit-tfal u ż-żgħażagħ jimxu ‘l quddiem u jaslu fejn jixtiequ.

Pajjiż fejn l-ekonomija toħloq xogħol ġdid, b’pagi tajbin, pajjiż li jiflaħ żvilupp sostenibbli, li l-infrastruttura issewwi, fejn in-negozjanti u l-investituri jsibu oqsma ġodda fejn jikbru u jkabbru l-ekonomija, fejn ikollhom level playing field fis-suq Malti.

Fid-dawl ta’ dan kollu, Bernard Grech wiegħed li Partit Nazzjonalista fil-Gvern se jagħti kwalità ta’ ħajja aħjar, fejn se jinvesti fi spazji pubbliċi, jinvesti bis-sħiħ fl-indafa, u jiżgura li l-livell tas-servizzi tas-saħħa u l-kostruzzjoni jkunu tal-ogħla livell.

Fejn spjega li Gvern Nazzjonalista se jkun gvern li juża politika li żżomm bilanċ skont il-ħtieġa ta’ kull settur f’pajjiżna, bi pjan konkret.

Ritratti: Joseph Galea u Matthew Tabone

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega wkoll li Għawdex se tibqa’ prijorità għall-Partit Nazzjonalista għaliex il-gżira Għawdxija u l-Għawdxin għandhom bżonnijiet differenti minn dawk ta’ Malta.

Huwa għalhekk li Gvern Nazzjonalista se jkun qed jagħmel mezz li kull inizjattiva li tittieħed għal Għawdex, tgħaddi biss jekk ikun żgurat li Għawdiex jirċievi l-aqwa riżultati.

Gvern Nazzjonalista se jkun qed iħares lejn il-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin filwaqt li Bernard Grech wiegħed li l-identità unika tal-gżira Għawdxija se tkun imħarsa, bi pjan għaqli għall-kostruzzjoni f’din il-gżira.

B’Bernard Grech itenni li llum il-ġurnata, dawk kollha li għandhom rashom fuq għonqhom, idawru wiċċhom in-naħa l-oħra meta jsir każ ġdid ta’ korruzzjoni – u jingħalqu f’silenzju li huwa niket għas-sitwazzjoni li qiegħed fiha pajjiżna.

B’Bernard Grech itenni li filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jifhem lil dawn il-persuni, iżda jifhem ukoll li fis-silenzju, quddiem il-polza tal-vot se jkunu qed jagħżlu Gvern ġdid, għall-familji Maltin u Għawdxin.

Fid-diskors tiegħu, Bernard Grech sellem ukoll il-memorja tac-Chief Operations Officer ta’ NetMedia Karl Gouder, fejn spjega li Karl ukoll kellu viżjoni għall-pajjiż Malti, viżjoni li jemmen fiha l-Partit Nazzjonalista ta’ Malta ġusta, Malta nadifa u mimlija opportunitajiet għall-poplu kollu. Pajjiż Ewropew u Indipendenti.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista wiegħed li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jaħdem biex dak kollu li ħolom Karl Gouder għall-pajjiż u għall-Partit Nazzjonalista, jitwettaq.