Lokali

Il-ġlieda għall-Indipendenza

Kitba ta' Joe M. Zahra

L-1964 bdiet b’possibbiltajiet u problemi.

Il-possibbilitajiet fit-tarzna li issa kienet f’idejn tajbin u bdiet tħalli riżultati anke b’żieda ta’ ħaddiema; fl-industrija fejn l-azjendi żgħar bdew jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom fil-produzzjoni u fl-impjiegi; fit-turiżmu fejn erba’ lukandi bdew jespandu, fejn twettaq ftehim mal-Hilton għall-bini ta’ lukanda kbira f’Malta, fejn l-aqwa inġinier fil-qasam tal-kostruzzjoni tad-dinja, il-Professur Pier Luigi Nervi, kien se jiddisenja lukanda ta’ 400 sodda f’Tas-Sliema, fejn lukandi kbar u żgħar bdew joffru opportunitajiet; fl-ortikoltura, fejn bdew jitwettqu proġetti minn bdiewa, proġetti għall-produzzjoni ta’ ħxejjex friski għal-lukandi li kienu qed jinbnew, ta’ tkabbir ta’ fjuri għall-esportazzjoni.

Fl-istess waqt il-pajjiż kien għaddej minn problemi ta’ impjiegi li kellhom sfog fl-emigrazzjoni li kienet laħqet qrib il-10,000 fis-sena u f’impjiegi fl-Ewropa. Il-problemi li konna qed niffaċjaw kienu l-impjiegi u l-finanzi. L-isfida tagħna fl-1964 kienet l-Indipendenza.

Sadanittant il-Gvern beda jieħu l-ewwel miżuri biex pajjiżna jkun preparat darba tinkiseb l-Indipendenza. Il-Maġġur Fredrick Amato Gauci fil-bidu tas-sena ntbagħat għal kors ta’ erba’ xhur fir-Renju Unit u f’Ruma li kien jinkludi taħriġ f’ħidma diplomatika u konsulari biex meta jirritorna jagħti pariri lill-Prim Ministru dwar it-twaqqif ta’ korp diplomatiku u rappreżentazzjoni diplomatika barra l-pajjiż. Fredrick Amato Gauci kien l-ewwel Kap tal-Affarijiet Barranin meta Malta kisbet l-Indipendenza.

Gvern iebes u negozjatur attent

F’Jannar ukoll il-Prim Ministru kiteb lis-Segretarju tal-Istat għall-Commonwealth u l-Kolonji fejn talbu jiddeċiedi dwar Kostituzzjoni għal Malta Indipendenti darba ma kienx intlaħaq ftehim bejn il-partiti politiċi Maltin. Fl-istess xahar ukoll wasal team ta’ impjegati ċivili mir-Renju Unit biex jiddiskutu abbozz ta’ ftehim ta’ difiża mal-Gvern Malti. It-team tmexxa minn F.W. Mottershead, Deputat Segretarju fil-Ministeru tad-Difiża Ingliż. Is-‘Sunday Times of Malta’ tat-2 ta’ Frar irrappurtat lid-delegazzjoni Ingliża ssostni li l-Gvern Malti kien “iebes u negozjatur attent”.

Kollox kien qed jingrana lejn l-akkwist tal-Indipendenza tant li d-Deputat Kmandant Suprem għall-Ewropa, il-Marixall tal-RAF Sir Thomas Pike meta fit-22 ta’ Jannar kellem lill-ġurnalisti appena wasal Malta awgura lil Malta kull risq matul is-sena tal-Indipendenza.

Fit-28 ta’ Jannar il-Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier inħatar Kavallier tal-Gran Croce tal-Ordni ta’ San Silvestru b’rikonoxximent talli mexxa delegazzjoni uffiċjali ta’ Malta fl-okkażjoni tal-inkonorazzjoni tal-Qdusija tiegħu Papa Pawlu VI.  Kien l-ewwel li ngħata dan ir-rikonoxximent f’Malta Iċ-ċerimonja tal-ħatra saret fil-Palazz Arċiveskovili.

Niftakar li din l-okkażjoni kont irrapurtajtha jien għall-ġurnal ‘Il-Poplu’ fil-paġna ta’ quddiem u bi stil li għal dak iż-żmien kien wieħed differenti u li qatt ma kont użajt qabel. Kienet paġna li ħalliet messaġġ pożittiv anke mil-lat ta’ preżentazzjoni. Kienet ukoll okkażżjoni li fiha stajt ngħid inkellem lil Borg Olivier, li f’dawk iż-żminijiet kien imħabbat ħafna u kien iqatta’ ħafna minn ħinu fil-Berġa d’Aragona. Kienet ukoll okażżjoni fejn fraħtlu u awgurajtlu għall-ħidma kbira li kien qed iwettaq b’risq pajjiżna.

Żjarat spissi f’Londra

Iż-żjajjar tal-Prim Ministru f’Londra issa bdew ikunu aktar frekwenti u ma setgħax ma jkunx mod ieħor meta riedu jsiru taħditiet diretti mas-Segretarju tal-Istat għall-Commonwealth u l-Kolonji u riedu bilfors jittieħdu deċiżjonijiet.

Wara żjara li għamel f’Londra fil-bidu ta’ Frar, f’konferenza tal-aħbarijiet li għamel fl-ajruport il-Prim Ministru stqarr li kien f’tiġrija kontra l-ħin biex jassigura li kollox ikun  lest biex Malta tikseb l-Indipendenza tagħha qabel il-31 ta’ Mejju. Il-ħidma biex pajjiżna jikseb l-Indipendenza saħħet lil Borg Olivier. Dan kien qed juri li kien jistħoqqlu l-fiduċja li kien tah il-poplu.

Kien qed jaħdem b’għaqal kbir u kapaċità, b’tattika politika, b’diplomazija u moderazzjoni. Kien qed jaħdem b’ħeġġa kbira u bi stamina enormi. L-Ingliżi, li kienu jaħsbu li se jgħajjuh b’laqgħat twal li jkaxkru tul il-lejl, spiċċaw bdew jgħajjew huma. Borg Olivier dejjem kellu l-argumenti u ħares biss lejn l-interessi tal-pajjiż u tal-poplu Malti. Din l-ebusija fit-taħditiet Ġorġ Borg Olivier għaddieha lill-Ministri u kapijiet tad-Dipartimenti. L-Ingliżi bdew iqisuna bħala ‘tough bargainers’. Tant li meta ġew Malta r-rappreżentanti tal-British European Airways (BEA) għal diskussjonijiet twal  biex ħadna dak li konna qegħdin  niġġieldu għalih, qabel telqu dawn qalu li l-Gvern Malti kien ‘tough bargainer’. L-istess stqarru rappreżentanti tal-Uffiċċju Kolonjali li kienu Malta jiddiskutu t-trattat ta’ difiża. Qabel telqu dawn qalu li l-ministri Maltin kienu ibsin fit-trattattivi.

Fl-aħħar ta’ Frar il-Prim Ministru reġa’ tela’ Londra għal taħditiet. Lura Malta fl-1 ta’ Marzu l-Prim Ministru, filwaqt li ngħata laqgħa kbira minn partitarji Nazzjonalisti, ħabbar li kien għamel proposta biex isir referendum dwar il-kostituzzjoni tal-Indipendenza, kostituzzjoni li kellu jagħżel il-Parlament. Fit-12 ta’ Marzu l-Prim Ministru reġa’ tela’ Londra għal aktar taħditiet dwar il-Kostituzzjoni ta’ Malta Indipendenti.

Fil-15 ta’ Marzu ħarġet stqarrija bi sħab bejn  is-Segretarju tal-Istat għall-Kolonji u l-Prim Ministru Malti fejn tħabbar li “Dr Borg Olivier jipproponi li jippreżenta abbozz ta’ kostituzzjoni lill-Assemblea Leġislattiva ta’ Malta, u wara li din tiġi approvata mill-Assemblea, titqiegħed quddiem l-elettorat permezz ta’ referendum fejn ikunu mistoqsija: – ‘Int tapprova l-kostituzzjoni proposta għall-Indipendenza?’” Il-Parlament Malti għadda Liġi dwar ir-referendum li kellu jsir bejn it-2 u l-4 ta’ Mejju.

Ir-ritorn minn Londra

Fit-18 ta’ Marzu l-Prim Ministru Ġorġ Borġ Olivier irritorna minn Londra u twassal sal-Berġa ta’ Aragona b’carcade u b’tixjir ta’ palm. Jien kont hemm fis-sala tal-ajruport fejn ta l-konferenza stampa. L-għada id-19 ta’ Marzu, missjoni ekonomika tal-Gvern telqet lejn Londra għal taħditiet ekonomiċi u finanzjarji. Ngħid il-verità ma tantx kont fiduċjuż mill-eżitu tar-referendum  u għalhekk ma tantx kont kuntent bid-deċiżżjoni li jsir.

Nammetti li kont qed nibża’ mir-referendum minħabba l-qagħda ekonomika prekarja fil-pajjiż, minħabba n-nuqqas ta’ xogħol u l-emigrazzjoni għolja li kollha kienu jaffettaw d-deċiżjoni tal-poplu. Minħabba l-oppożizzjoni qawwija li kellna minn kull naħa. Borg Olivier jidher li nduna. L-għada li wasal Malta ċempilli Effie Gatt, is-Segretarju Privat tal-Prim Ministru. Qalli li l-Prim Ministru ried ikellimni u staqsieni jekk stajtx immur il-Berġa ta’ Aragona dakinhar filgħaxija. Jien irrispondejt fl-affermattiv u dakinhar filgħaxija mort l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

B’dik is-solita tbissima fuq wiċċu, Ġorġ Borg Olivier staqsieni għaliex fl-ajruport ma tantx dhert kuntent bit-tħabbira tar-referendum. Weġibtu li xejn ma kont fiduċjuż minn riżultat favorevoli. Borg Olivier qalli li hu kellu fiduċja sħiħa fil-poplu u kien ċert li darba jiġi spjegat sew xi jfisser vot għall-Kostituzzjoni ta’ Malta Indipendenti, il-poplu jikkonkorri u jivvota IVA. Qalli li iżda kien jeħtieġ l-għajnuna ta’ kulħadd.

Dar lejja u qalli “inti ukoll trid tgħinni kif għamilt dejjem”. Talabni biex  tul il-kampanja tar-referendum nerġa’ nieħu ħsieb ‘Il-Poplu’ jien. Xtaq li ‘Il-Poplu’ joħroġ tliet darbiet fil-ġimgħa flok id-darba li kien qed joħroġ u li jkun hemm mhux biss aħbarijiet lokali iżda anke aħbarijiet barranin. Jien weġibt mill-ewwel fl-affermattiv. Borg Olivier deher kuntent u qalli: “Int mhux soltu taqta’ qalbek. Issa tara kif nirbħu!” Sellimli u qalli biex f’dak li jkolli bżonn nikkuntattjah.

Meddejt għonqi għax-xogħol

Ħriġt mingħand Ġorġ Borg Olivier mimli kuraġġ. Meddejt għonqi għax-xogħol mill-ewwel. Sadanittant l-editur kien l-Avukat Benny Camilleri. Jgħinu, fuq bażi ‘part-time’, kien hemm Frank Spiteri, li minn hemm ’il quddiem sirna ħbieb kbar u ħdimna flimkien għal bosta u bosta snin. Jien ħadt f’idejja l-ġurnal. Ħafna mill-kitba, inklużi l-aħbarijiet barranin li kont nieħu mill-BBC, kont nagħmilha jien. It-tqassim u l-preżentazzjoni kienu wkoll f’idejja. Frank kien jgħinni fil-korrezzjonijiet.

Ħdimna bħala team żgħir. Sal jum tar-referendum il-Partit Nazzjonalista sejjaħ diversi Mass Meetings li kont nirraporta jien. Bid-differenza li filwaqt li qabel l-elezzjoni tal-1962 Borg Olivier kien irid jara r-rapporti ta’ dak li jkun  qal, għar-referendum kien ħalla kompletament f’idejja! Kienu jiem ta’ ħidma kbira. Bilkemm kien ikolli ċans imur norqod. Minn xogħol għal xogħol u b’ħidma li twassal tul l-iljieli. Biss kont kuntent għax l-affarijiet dehru ġejjin favur tagħna. It-team ta’ nazzjonalisti li kienu qed jaħdmu favur l-Indipendenza kiber u l-organizazzjoni ssaħħet.

Il-mistoqsija lill-poplu nbidlet xi ftit minn dik imħabbra fl-istqarrija tal-15 ta’ Marzu. Il-poplu ġie mistoqsi: “Inti tapprova il-Kostituzzjoni għall-Indipendenza, proposta mill-Gvern ta’ Malta, approvata mill-Assemblea Leġislattiva u ppubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern Malti tad-9 ta’ April, 1964?” 79.57 fil-mija ta’ dawk bi dritt għall-vot tefgħu l-vot tagħhom. Minn dawn 65,714 ivvutaw ‘Iva’, 54,919 ivvutaw ‘Le’ filwaqt li 9,016 vot ġew iddikjarati invalidi. Hekk il-Kostituzzjoni ġiet approvata mill-poplu.

Il-poplu kien ta raġun lil Borg Olivier u raddlu lura l-fiduċja kbira li kellu fih. Għal darb’oħra Borg Olivier wera fidi u fiduċja fil-poplu u determinazzjoni fil-ġlieda tiegħu biex pajjiżna jikseb ir-riedni tat-tmexxija. Il-biża’ tiegħi kien sfuma fix-xejn!

Il-Partit Nazzjonalista ċċelebra r-rebħa tar-referendum b’Mass Meeting f’Ħaż-Żebbuġ il-Ħamis 7 ta’ Mejju, nhar Lapsi. Mass Meeting li kellu attendenza enormi u fejn il-Prim Ministru ħabbar li fi ftit ġranet oħra kien ser imur Londra “bil-prova li dawk li tawni l-vot fl-aħħar elezzjoni riedu l-Indipendenza.”

Borg Olivier tela’ Londra fid-19 ta’ Mejju. Qabel telaq qal lill-ġurnalisti li kien fiduċjuż li l-Liġi dwar l-Indipendenza ta’ Malta tgħaddi mill-House of Commons malajr filwaqt li ħabbar li kienet l-intenzjoni tiegħu li jiffirma Trattat ta’ Difiża mar-Renju Unit. F’Londra Ġorġ Borg Olivier kellu diversi taħditiet ma’ Duncan Sandys, Segretarju tal-Istat għall-Commonwealth u l-Kolonji.

Ittra li bqajt ngħożż

Mingħand Borg Olivier irċevejt ittra dakinhar li wasal Londra. Ittra sabiħa li bqajt ngħożż fost l-iktar affarijiet li għandi għal qalbi. Ġorġ Borg Olivier kitibli hekk:

“Nesprimi s-sentimenti ta’ gratitudni lejk għax-xogħol li għamilt fil-kampanja tar-referendum.

Jiena ċert li s-suċċess li kiseb il-partit kien dovut, fil-parti l-kbira, għall-ħidma bla serħan li inti u attivisti oħra wettaqtu b’sagrifiċċji personali kbar. Naf li dak li għamiltu kien ispirat mill-imħabba li għandkom lejn l-ideali nobbli tal-Partit Nazzjonalista u lejn il-maħbuba Malta tagħna.

Nispera li fil-futur insib il-ħidma u l-appoġġ tiegħek u tal-attivisti l-oħra biex flimkien inżommu dejjem tperper il-Bandiera Nazzjonalista.

B’nies bħalek madwari, jiena lest biex naffronta kwalunkwe oppożizzjoni.

Għoddni tiegħek

Ġorġ Borg Olivier

Il-Kap tal-Partit”

L-itwal żjara fil-kapitali Ingliża

Iż-żjara f’Londra kellha tkun l-itwal żjara tal-Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier fil-kapitali Ingliża. Żjara ta’ aktar minn xahrejn li matulhom Ġorġ Borg Olivier wera l-ħiliet kollha tiegħu ta’ mexxej biex jikseb l-aħjar għall-pajjiżna. Tul dawn ix-xahrejn ingħaqdu mal-Prim Ministru ministri u diversi uffiċjali governattivi biex seta’ jintlaħaq ftehim sew dwar il-ġurnata tal-Indipendenza kif ukoll dwar ftehim finanzjarju u ta’ difiża.

L-aħbar li kien intlaħaq ftehim dwar il-Kostituzzjoni għal Malta Indipendenti, dwar id-data tal-Indipendenza u dwar trattat ta’ difiża u ftehim finanzjarju ngħatat mis-Segretarju tal-Istat għall-Kolonji Duncan Sandys fi stqarrija li għamel fil-Parlament Ingliż fil-21 ta’ Lulju 1964.

Duncan Sandys qal: “Dalgħodu temmejt in-negozjati twal li kelli mal-Gvern Malti dwar l-indipendenza. Bħala riżultat ftehimna dwar il-forma tal-Kostituzzjoni futura għal Malta. Din se tkun fuq il-linji proposti mill-Gvern ta’ Malta b’ċerti emendi importanti li ftehimna dwarhom.

“Il-Gvern ta’ Malta wera x-xewqa tiegħu li Malta tibqa’ monarkija bil-Majestà Tagħha bħal reġina ta’ Malta; infurmawni bl-intenzjoni tagħhom li jissieħbu fil-Commonwealth.

“Dalgħodu wkoll inizjalajna ftehim dwar id-Difiża u Għajnuna Finanzjarja li se jiġu ffirmati dakinhar tal-Indipendenza.

“Il-Ftehim ta’ Difiża jippermetti lill-Forzi Militari Ingliżi li jibqgħu f’Malta għal 10 snin. Taħt il-Ftehim Finanzjarju r-Renju Unit, tul l-istess perijodu ta’ snin, jipprovdi għajnuna kapitali għal-iżvilupp u d-diversifikazzjoni tal-ekonomija u għajnuna għall-emigrazzjoni sa total ta’ 50 miljun lira Sterlina.

“It-test tal-Kostituzzjoni l-ġdida qed jiġi pubblikat illum bħala White Paper, u numru limitat ta’ advanced copies taż-żewġ ftehim jistgħu jinkisbu mill-Voter Office.

“Minkejja ż-żmien qasir taż-żmien parlamentari li baqa’, nispera li l-Kamra tkun tħossha disposta li tgħaddi il-Liġi neċessarja dwar l-Indipendenza qabel il-Parlament jieqaf. Nifhem li qed nitlob ħafna mill-Onorevoli Membri. Iżda kif jafu l-Indipendenza ta’ Malta diġa kellha tiġi posposta mid-data tal-31 ta’ Mejju. Hu għalhekk desiderabbli ħafna li ma ntawlux aktar milli hu neċessarju.”

Messaġġ minn Londra

Minn Londra l-Prim Ministru Borg Olivier bagħat messaġġ lill-poplu Malti: “F’din l-okkażżjoni storika li fiha lħaqna ftehim finali dwar l-Indipendenza ta’ Malta l-ħsibijiet tiegħi naturalment iduru lejn il-poplu Malti.

“Bl-għajnuna ta’ Alla, ser nieħdu l-post li jixirqilna fost in-nazzjonijiet indipendenti tal-Commomnwealth. Malta hi qrib li tirbaħ mill-ġdid is-sovranità tagħha u hu bi kburija ġustifikata u sodisfazzjon li jien qed inħabbar dan lill-poplu tiegħi.

“Il-poplu Malti mhux nieqes minn avveniment kbar u m’għandi ebda dubju li din se jqisuha bħala waħda mill-akbar. Jiena ċert, li lkoll niffaċċjaw din l-era ġdida fl-istorja twila u glorjuża tagħna b’fidi, kuraġġ u determinazzjoni,”

L-aħbar ġabet ferħ kbir fuq il-pajjiż kollu. Il-każini tal-Partit Nazzjonalista żżejnu u nxetgħlu. Bdew isiru preparazzjonijiet biex il-Prim Ministru u d-delegazzjoni tiegħu jingħataw laqgħa ta’ eroj. Il-jum mistenni kien il-Ħadd 26 ta’ Lulju meta eluf ta’ nies inġabru l-ajruport ta’ Malta biex jilqgħu lil Borg Olivier. Kien hemm ukoll jilqugħ rappreżentanti tal-Gvernatur ta’ Malta, tal-Arċisqof, ir-rappreżentanti konsulari tal-Istati Uniti, Franza, l-Italja u kapijiet ta’ dipartimenti tal-Gvern.

Appena Borg Olivier deher fil-bieba tal-ajruplan il-poplu miġbur infexx f’dellierju ta’ ferħ, b’ċapċip li jtarrax, tixjir ta’ bnadar Maltin u tal-Partit Nazzjonalista u weraq tal-palm. Il-banda tal-Mellieħa li kienet fl-ajruport tallegra lill-poplu b’daqq ta’ marċi, appena niżel Borg Olivier mill-ajruplan daqqet l-Innu Malti u l-innu tal-Partit Nazzjonalista.  

F’sala attrezzata apposta fl-ajruport, taħt il-kliem ‘Merħba lill-ewwel Prim Ministru ta’ Malta Indipendenti’ Borg Olivier, flimkien mal-ministri kollha,  kellem lill-istampa. Hu qal li l-vittorja li kien għamel ma kenitx waħda personali iżda waħda nazzjonali. Tenna  li kien talab lill-Gvern Ingliż biex jiddikjara il-21 ta’ Settembru bħala Jum l-Indipendenza filwaqt li għamel appell għall-għaqda.

Irrid ngħid li qatt ma rajt lil Borg Olivier daqshekk ferħan u kuntent. Wiċċu kien jixgħel is-sodisfazzjon u r-rebħa kbira li kien għamel għal pajjiżna. Mhux biss l-akkwist tal-Indipendenza iżda trattat ta’ difiża reċiproka u ftehim finanzjarju li kienu jiggarantulna tranżizzjoni bla skossi u fondi biżżejjed biex niddiversifikaw l-ekonomija.

Mill-ajruport, f’karozza mikxufa, Ġorġ Borg Olivier akkumpanjat mill-Ministru Giovanni Felice telaq lejn il-Belt Valletta tul toroq mimlija minn Maltin kuntenti li bdew jitfgħu fuq il-karrozza tal-Prim Ministru fjuri u konfetti. Minn kull fejn għadda kien hemm dimostrazzjonijiet ta’ ferħ interrotti b’għotjiet ta’ fjuri minn diversi membri tal-pubbliku. Il-karozza tal-Prim Ministru akkumpanjata minn  serbut twil ta’ karrozzi – tant twil li niftakar li filwaqt li l-karrozza b’Borg Olivier kienet għadha fit-triq tal-ajruport il-carcade kienet diġa waslet il-Blata l-Bajda – daħlet minn Bieb il-Belt tul Triq Rjali u niżlet għal Misraħ San Ġorġ. Tul Triq Rjali, mżejna għall-okkażżjoni, Borg Olivier ġie ppreżentat bukketti quddiem il-Każini ‘La Vallette’ u ‘King’s Own’ fost sparar ta’ musketterija mill-istess każini u salut mill-Ġonna ta’ Hastings.   

Mill-gallerija tal-Palazz Ġorġ Borg Olivier reġa’ kellem lill-poplu. Hu stqarr li fl-1921, bħala tifel, kien xhud mill-istess pjazza ta’ Dr Filippo Sceberras iħabbar l-għoti tal-ewwel gvern responsabbli lil Malta. Wara dawk is-snin kollha hu kien issa qed iħabbar l-akkwist tal-Indipendenza għal pajjiżna wara ġlieda hekk kbira fejn bħala poplu matur u ċivilizzat wasalna għall-Indipendernza mingħajr vjolenza u tixtrid tad-demm.

Appell għall-għaqda bejn il-poplu kollu

Il-Prim Ministru għamel appell qawwi għall-għaqda bejn il-poplu kollu.

Il-Prim Ministru kien ferħan u kuntent b’dak li kiseb għal pajjiżna. Iżda kien għadu xi ftit beżgħan anke jekk determinat li l-Indipendenza tiġi.

Niftakar li l-Laburisti Maltin kienu qed jagħmlu minn kollox biex l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Indipendenza ma jgħaddix mill-Parlament Ingliż. Il-Partit Laburista Malti kien bagħat żewġ deputati Londra biex jippressaw mal-Partit Laburista Ingliż biex jostakolaw l-approvazzjoni tal-abbozz. L-Abbozz ried jgħaddi mill-House of Common, il-House of Lords u jikseb il-kunsens tar-Reġina. L-elezzjoni ġenerali fir-Renju Unit kienet fuq l-għatba u jekk l-abbozz ma kienx jilħaq jiġi approvat kien hemm il-biża’ li jitla’ Gvern Laburista u jċedi għall-pressjoni tal-Laburisti Maltin. Wara li kien approvat mill-House of Commons it-Tnejn 27 ta’ Lulju 1964 l-abbozz ta’ liġi dwar l-Indipendenza ta’ Malta tressaq fil-House Lords fejn  kien approvat mill-ewwel qari. L-għada tressaq għat-tieni qari. Emenda mressqa minn Lord Perth għal elezzjoni jew referendum f’Malta qabel l-Indipendenza, ġiet irtirata. Tlett ijiem wara, fil-31 ta’ Lulju, il-Liġi tal-Indipendenza ngħatat il-kunsens tar-Reġina Eliżabetta II.

Kemm kellu raġun jitħasseb Borg Olivier jirriżulta mill-fatt li wara ħames snin fil-gvern issejħet elezzjoni ġenerali fil-15 ta’ Ottubru 1964 u l-Partit Konservattiv tilifha. Il-Partit Konservattiv kien ilu 13-il sena fil-gvern. Il-Partit Laburista kellu maġġoranza ta’ erba’ siġġijiet biss, waħda mill-iżgħar maġġoranzi li qatt kien hemm f’elezzjoni ġenerali Ingliża.