Internazzjonali

Ir-Russja: Tkompli tħallas prezz terribbli f’ħajjiet mitlufa… bil-ġellieda voluntiera fl-Ukrajna l-aktar li qed ibatu

L-aħħar data relatata mal-imwiet fil-Gwerra tal-Ukrajna indikat li l-militar tar-Russja tilef ‘il fuq minn 70,000 suldat u ġellieda voluntiera mindu l-armati ta’ Vladimir Putin invadew lill-Ukrajna fi Frar tal-2022.

U skont din id-data analizzata mill-BBC, il-voluntiera – jew ċivili li ssieħbu mal-qawwiet armati Russi wara l-bidu tal-gwerra – qed jikkostitwixxu l-akbar ammont ta’ nies maqtulin fil-kampijiet tal-battalja sa mill-bidu tal-gwerra.

Kuljum, l-ismijiet tar-Russi maqtula fl-Ukrajna u r-ritratti mill-funerali tagħhom qed ikunu pubblikati madwar ir-Russja permezz tal-mezzi tal-midja u n-networks soċjali. U l-istatistika qed tidher bħala korretta u preċiża minħabba li tibbaża wkoll fuq is-sorsi uffiċjali.

Sadanittant, madwar 15,000 fost is-70,000 (u aktar) Russi maqtulin fl-Ukrajna kienu voluntiera – jew 20 fil-mija tal-ġellieda tal-Kremlin. U l-ammont tal-vittmi fost dawn il-voluntiera, fil-fatt, hu akbar minn ta’ kwalunkwe kategoriji oħra tal-militar Russu.

Minbarra ċ-ċittadini mobilizzati għall-gwerra fl-Ukrajna, inqatlu wkoll ammont sinifikanit ta’ eks priġunieri Russi li kienu ngaġġati mal-militar ta’ pajjiżhom wara li r-reati tagħhom kienu maħfurin mill-Istat.

U minn Ottubru tas-sena l-oħra ‘l hawn, il-fatalitajiet fost il-voluntiera Russi fl-Ukrajna ma naqsux  minn medja ta’ 100 fil-ġimgħa – u meta f’xi ġimgħat, l-ammont anke tela’ għal 300. Dan waqt li l-Kremlin qed ikompli jitlef ammont terribbli ta’ suldati waqt li qed jippersisti bit-tattiċi militari antikwati bbażati fuq l-attakki b’massa ta’ truppi.

Intant, l-Ukrajna ftit li xejn tikkummenta dwar l-iskala tal-imwiet fost is-suldati tagħha fil-kampijiet tal-battalja. U kien proprju fi Frar, li l-President Ukren Volodymyr Zelensky tenna li mal-31,000 suldat Ukren tilfu ħajjithom huma u jiddefendu pajjiżhom kontra l-qawwiet tar-Russja.