“Aħna rridu naraw pajjiż li jkun għal kulħadd, b’mexxejja li jkunu hemm għal dawk verament fil-bżonn, bl-ekonomija li tikber permezz ta’ pjan sostenibbli.”
Kien dan li qal is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Michael Piccinino, meta kien qed jindirizza l-mass meeting li laħaq il-qofol tal-Festi Indipendenza 2024 bit-tema ‘L Quddiem.
Michael Piccinino qal li l-Partit Nazzjonalista ħadem tul l-aħħar 60 sena sabiex pajjiżna jgawdi mill-vantaġġi kollha li l-poplu Malti u Għawdxi gawda minnhom matul dawn is-snin ta’ Malta Indipendenti.
Huwa rringrazzja lill-uffiċjali, ħaddiema, u attivisti sabiex il-pajjiż ikun jista’ jimxi ‘l quddiem. Fost dawn, Michael Piccinino rringrazzja x-xogħol ma jaqta’ xejn ta’ snin sħaħ li Karl Gouder ta b’leatà lejn il-Partit Nazzjonalista favur il-poplu kollu.
Karl Gouder li dejjem kien ta’ spalla għalih u kien hawnhekk fejn Michael Piccinino wiegħed li hu flimkien ma’ oħrajn se jkunu qed ilestu dak li hu stess beda.
Intant, Michael Piccinino wiegħed li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed ikompli jaħdem favur pajjiż sostenibbli u innovattiv li jaħseb f’ekonomija bi pjan, ħolqien ta’ setturi ekonomiċi ġodda bbażati fuq il-ħajja tal-lum u tal-futur.
Michael Piccinino qal kif pajjiżna jinsab f’salib it-toroq fejn tidħol il-kwalità tal-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna. Iżda permezz tat-tmexxija tal-Kap tal-PN, Bernard Grech hemm pjan ċar għall-futur ta’ pajjiżna. U għalhekk li l-poplu Malti u Għawdxi, f’dawn is-snin li ġejjin, għandu għażla għal bidla vera sabiex verament naraw Malta tagħna lkoll.
Michael Piccinino talab lil dawk kollha li qed jisimgħuh sabiex jaħsbu kull persuna x’tista’ tagħmel għal mixja pożittiva favur pajjiżna. Mixja li hi għat-tela’ iżda jinsab konvint li se naslu, bi tmexxija li se ġġib il-bidla ħalli pajjiżna verament jimxi ‘l quddiem.
//= $special ?>