Lokali

Jilmenta dwar id-drenaġġ li dieħel f’daru, iżda l-Ministru mhux jagħti kasu

Il-Ministru Roderick Galdes qed jibqa’ jinjora l-ilmenti ta’ diversi residenti Qriema li spiċċaw bi djarhom mgħarrqin ma’ kull xita li tagħmel.

Resident partikolari qalilna li hu ilu joqgħod 54 sena fl-istess triq, u qatt ma kellu problemi. Iżda minn xi snin ‘il hawn qed jispiċċa bil-kantina mimlija drenaġġ minħabba li tkun għamlet ix-xita.

Dan ir-raġel kiteb lill-Ministru Galdes, iżda baqa’ bla risposta.

Hu saħansitra bagħat provi u ritratti li juru kif daħallu ħafna ilma, u kellu maż-żewġ filati drenaġġ fil-kantina tiegħu.

Meta tkellem ma’ Net News ,hu qalilna li din hija problema min-naħa tal-Gvern, u li skont il-perit tiegħu tista’ tissolva b’intervent żgħir. Għalkemm hu ma jistax jagħmel spejjeż minħabba l-kundizzjoni li għandu.

“Jien raġel marid bl-ażma u bil-frixa, u għandi anke l-mara ma tiflaħx”, qalilna meta għamel kuntatt magħna. “Ma nistax nagħmel spejjeż, bi €800 fix-xahar”.

Ritratti: L-ilma dieħel minn barra, u l-kundizzjoni tal-kantina