Fl-aħħar ġimgħat u xhur rajna rapporti ta’ persuni jispjegaw kif kellhom bżonn il-kura medika u n-numru tal-ID Card tagħhom jinstab taħt isem ta’ persuna oħra.
Sitwazzjoni inkwetanti ferm meta taħseb li hemm il-possibbiltà li l-identità tan-nies, bħalma qed jallega l-avukat Jason Azzopardi, insterqet biex ingħatat lil persuni barranin.
Wara ġimgħat ta’ skiet totali mill-Gvern, il-Ministru responsabbli mis-saħħa, Jo Etienne Abela kien kostrett li jwieġeb għal dawn l-allegazzjonijiet waqt intervista li kellu mal-Lovin Malta. Bil-Ministru jikkonferma li, b’li jaf bihom hu biss, hemm mill-inqas 10 każi ta’ dan it-tip. Iżda tefa’ l-ħtija fuq il-ħaddiema fejn qal li dan kien human error.
Fil-fatt, hu qal bla tlaqliq li l-ħaddiema għamlu għadd ta’ żbalji meta qalbu xi numru ma’ ieħor; b’riżultat li s-sistema ttella’ d-dettalji ta’ persuna oħra.
Din l-istqarrija ġiet ridikolata minn ħafna, b’persuna tgħid li din l-iskuża li ġab il-Ministru hi ekwivalenti bħal meta konna ngħidu li l-kelb killi l-homework. B’persuna oħra tgħid, sarkastikament, li b’daqshekk ma ġara xejn għaliex dan kien biss żball – bħal meta tingħata doża tliet darbiet iktar milli l-ġisem jiflaħ.
Bħalissa għaddejja Inkjesta Maġisterjali fuq talba tal-avukat Jason Azzopardi wara li kellu f’idu informazzjoni dwar ir-racket fl-aġenzija tal-Gvern “Identità” fejn allegatament kienu qed jinħarġu karti tal-identità foloz għal persuni li ġejjin minn barra l-Unjoni Ewropea. B’Azzopardi jisħaq li dan l-iskandlu tant hu kbir li saħansitra affetwa r-records tas-settur tas-saħħa.
Persuna partikolari qalet illi irċiviet telefonata għal appuntament dwar kundizzjoni ta’ saħħa serja ferm, li hi ma tbatix minnha. Filwaqt illi raġel ieħor saħaq li xhur ilu kien tniżżel fil-file tiegħu li huwa uffiċjalment irreġistrat bħala mejjet.
Iżda minkejja dan kollu, il-Ministru Jo Etienne Abela qed jibqa’ jinsisti li mill-investigazzjoni li qed issir minn persuni li ħatar hu stess, qed jirriżulta li kien hemm biss żballji umani!
//= $special ?>