Lokali

“Kif jista’ l-Gvern Laburista jgħid li jipproteġi l-bijodiversità filwaqt li qed ikun hu stess li jeqridha?” – PN

Il-Gvern Laburista ma fadallux wisq kredibbiltà fuq kwistjonijiet ambjentali, u l-aħħar Strateġija Nazzjonali għall-Bijodiversità u Pjan ta’ Azzjoni sal-2030 (NBSAP) tikkonferma dan. Robert Abela u sħabu jedhew b’manuvri politiċi li finalment ma jissarrfu qatt f’soluzzjonijiet reali, u baqgħu jkaxkru saqajhom biex jiddisukutu l-mozzjoni tal-Partit Nazzjonalista biex l-ambjent isir dritt fundamentali tal-bniedem fil-Kostituzzjoni.

Dan intqal minn stqarrija maħruġa mix-Shadow Minister għall-Ambjent, Rebekah Borg f’isem il-PN fejn tkompli tgħid li l-wegħdiet li l-art se tkun protetta mhuma xejn għajr duħħan, mingħajr l-infurzar neċessarju, u l-iżvilupp rampanti madwar il-pajjiż juri li l-ambjent huwa ’l isfel nett fil-lista ta’ prijoritajiet tal-Gvern. L-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) hija dgħajfa meta tiġi għal deċiżjonijiet tal-ippjanar, u ħafna drabi tonqos milli tinforza r-regolamenti, li jwassal għal impunità fil-konfront ta’ min jikser il-liġi.

Filwaqt li l-Gvern iħobb idendel ħafna statistika u ċifri fl-ekonomija biex jipprova jidher sabiħ, l-ambjent qed jinqered b’mod permanenti. Ekonomija b’saħħitha ma tistax teżisti fl-istess waqt li qed neqirdu l-ekosistemi. Għaldaqstant, il-konservazzjoni vera tal-bijodiversità hija impossibbli taħt il-Gvern Laburista.

Il-Partit Nazzjonalista, għall-kuntrarju, huwa impenjat li jpoġġi l-ambjent fil-qalba ta’ kull deċiżjoni, u jassigura li l-prosperità ekonomika u l-ħarsien ambjentali jimxu id f’id.

Matul ix-xhur u s-snin li ġejjin, il-Partit Nazzjonalista se jintroduċi proposti konkreti li joffru soluzzjonijiet reali għall-isfidi ambjentali ta’ Malta. B’differenza mill-kliem fl-arja tal-Gvern f’din l-istrateġija, li min jaf jekk u meta se jwasslu xi mkien, il-pjanijiet alternattivi tal-Partit Nazzjonalista se jkunu realistiċi, azzjonabbli u infurzabbli, u jipprovdu tama għal progress veru fil-konservazzjoni tal-bijodiversità ta’ Malta.

Mingħajr bidla fil-prijoritajiet, din l-istrateġija se tibqa’ kollezzjoni ta’ wegħdiet vojta, li titħalla fuq l-ixkaffa tiġma’ t-trab mingħajr ma qatt tħalli impatt reali. Il-Partit Nazzjonalista huwa impenjat li jagħmel is-sostenibbiltà ambjentali pilastru ċentrali tal-futur ta’ Malta.