L-Imħallef Toni Abela ordna lil Infrastructure Malta (IM) tagħti kumpens ta’ €30,000 lill-koppja li għandha villa f’Ħal Luqa wara li din kienet vittma ta’ ħsarat fuq xogħlijiet li saru qrib l-ajruport. Il-koppja, Reno u Marie Louise Baldacchino, kienet ippreżentat rikors kontra l-Aġenzija għal Infrastruttura Malta u l-kumpaniji li kienu tqabbdu jagħmlu x-xogħol – Bonnici Bros. Limited u Bonnici Bros Contractors Ltd.
Il-koppja kienu spjegaw fir-rikors fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili li ressqu f’Settembru tal-2019, li l-villa tagħhom tinsab biswit l-uffiċji li llum il-ġurnata qed jintużaw minn Infrastructure Malta u li fi Frar ta’ dik is-sena, il-kuntratturi tħallsu minn Infrastructure Malta biex jibnu parkeġġ fuq għalqa biswit il-ġnien tal-villa.
Waqt li kien qed isir dan ix-xogħol, intużaw makkinarju li kkawża tregħid fil-proprjetà tal-koppja li kienet saħansitra wkoll fetħet mandat ta’ inibizzjoni sabiex twaqqaf ix-xogħlijiet. Eventwalment, intlaħaq ftehim bil-miktub bejn il-koppja, IM u l-kuntratturi li kwalunkwe ħsara tissewwa minnhom. Iżda wara ftit xhur, il-koppja nnotat li l-pixxina fil-villa u l-kamra tal-pompa kienu ġarrbu ħsarat.
Il-koppja ngaġġat perit tagħha u dan qalilhom li l-pixxina kienet ġarrbet ħsarat kbar u kellha tinbidel għalkollox bi spiża ta’ madwar €80,000. Meta l-koppja talbet lill-entitajiet iħallsu għall-ħsarat, baqa’ ma ntlaħaqx ftehim. Kien għalhekk li l-koppja kellha tmur il-Qorti sabiex tordna lill-entitajiet iħallsu għall-ħsarat.
Il-kumpaniji Bonnici qalu fil-Qorti li “huwa teknikament impossibbli” li wettqu din il-ħsara u li jekk kieku stess seħħet xi ħsara, hi Infrastructure Malta li trid tħallas u mhux huma. Infrastructure Malta minn naħa tagħha, saħqet li ma kkawżat l-ebda ħsara fuq il-villa, dejjem ħaddmet kuntratturi ta’ kwalità u li kellha d-dritt tingaġġa l-periti tagħha stess biex jevalwaw xi ħsara saret, ladarba ma qablitx mal-konklużjonijiet tal-perit li qabbdet il-koppja.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti qalet li ngaġġat perit tagħha u din waslet għall-konklużjoni li l-pixxina kienet qed titlef mill-ilma tagħha għaliex kien hemm xi xquq. Irriżulta li dawn ix-xquq kienu kaġun tal-makkinarju li ntuża waqt ix-xogħlijiet u li jekk diġà kien hemm xquq żgħir, dan iggrava bix-xogħlijiet.
Madanakollu, hi ma rrakkomandatx li l-pixxina tinqala’ kollha bi spiża daqstant kbira u minflok irrakkomandat li jsirulha xogħlijiet ta’ tiswija li jiswew madwar €30,055. Wieħed mill-partijiet fil-kawża talab biex il-Qorti tingaġġa aktar periti u meta t-tliet periti ħarġu bir-rapport tagħhom, huma qablu mal-ewwel perit u rrakkomandaw li ssir tiswija għal €30,295 (bejn wieħed u ieħor l-istess ammont indikat bħall-ewwel perit).
Il-Qorti qablet li r-rapporti tal-periti ngaġġati kienu validi u meta waslet biex tiddeċiedi min kellu jħallas id-danni, qrat il-ftehim li ntlaħaq bejn il-koppja u l-entitajiet li fih jintqal li kemm Infrastructure Malta u Bonnici Brothers kellhom iħallsu għall-ħsarat.
Il-Qorti laqgħet it-talbiet kollha tal-koppja billi tillikwida d-danni sofferti fl-ammont ta’ €30,295 u kkundannat lill-partijiet sabiex bejniethom iħallsu dan l-ammont bl-imgħaxijiet legali mill-preżenti sentenza sal-pagament effettiv.
//= $special ?>