Internazzjonali

L-Italja: Il-maltemp ta’ ‘Boris’ batta xi ftit… iżda l-impatt tal-għargħar baqa’ qawwi u imprevedibbli

L-Italja għadha tħoss sew l-effetti tal-maltempata Boris li fl-aħħar jiem ħalliet l-imwiet u l-istraġi fil-pajjiżi taċ-ċentru u l-lvant tal-Ewropa. Intant, il-maltemp, fl-aħħar sigħat, ħalla impatt kbir fir-reġjun ta’ Emilia Romagna, fil-grigal tal-Italja, u fejn wassal għall-evakwazzjoni ta’ aktar minn 1,500 resident.

Ir-reġjun ta’ Marche ukoll qed jiffaċċja l-għargħar katastrofiku li ħarbat il-ħajja ta’ kuljum għall-eluf kbar tar-residenti – iżda ma jidhirx li l-elementi ħallew il-vittmi fl-ibliet li spiċċaw taħt l-ilma.

Sadanittant, l-iskejjel f’Emilia Romagna għalqu bħala miżura ta’ sigurtà waqt li l-iskwadri għall-emerġenzi kienu qed jippruvaw ineħħu l-blat u ħamrija minn diversi toroq wara numru ta’ valangi. L-iskedi tal-ferrovija tħarbtu bis-sħiħ minħabba l-maltemp u sal-bieraħ kienu għadhom ħerġin it-twissijiet biex il-familji jevitaw il-kantini ta’ djarhom u jibqgħu fis-sulari ta’ fuq għas-sigurtà tagħhom.

L-allert għall-maltemp estrem fl-Italja se jibqa’ validu sa għada, bl-uffiċjali f’Bagnacavallo, qrib ta’ Ravenna, jgħidu li ma kien hemm ħadd nieqes fl-inħawi wara rapporti inizjali li seta’ kien hemm il-vittmi.

Sadanittant, l-iskwadri għall-emerġenzi qalu li huma kienu wettqu mal-1,000 impenn ta’ salvataġġ bejn nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa – u fejn fost oħrajn kienu qed ibattlu l-ilma miz-zoni li sfaw mgħarrqin bl-ilma tax-xmajjar li tela’ l-art.

Fl-istess ħin, l-iskwadri salvaw numru kbir ta’ nies li spiċċaw iżolati mill-maltemp, filwaqt li użaw id-drones u l-ħelikopters biex isegwu s-sitwazzjoni tax-xmajjar, fost affarijiet oħra. Ħafna mill-ħidma konċentrat fuq iz-zona ta’ Ravenna, bl-aktar sitwazzjonijiet kritiċi jkunu rappurtati mill-inħawi bejn l-ibliet ta’ Bagnacavallo u Lugo.

Mistenni wkoll li fi tmiem il-ġimgħa għandhom jonqsu l-livelli tal-allert fiz-zoni l-agħar milquta mill-għargħar fl-ibliet ta’ Bologna u Ravenna, kif ukoll fil-provinċji ta’ Forli u Cesena.