Lokali

“Nistgħu naslu għall-bidla li għandu bżonn pajjiżna flimkien” – Alex Perici Calascione

“Fl-10 ta’ Ġunju, it-tama reġgħet nibtet b’saħħitha”.

Kliem il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione, fid-diskors li wassal quddiem folla nies waqt il-Mass Meeting li sar għall-għeluq tal-festi tal-Indipendenza.

Huwa tenna dan b’refereza għad-diskors li tenna Karl Gouder l-għada tar-riżultati tat-8 ta’ Ġunju – bil-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista jtenni kemm kellu raġun Karl Gouder meta stqarr dan id-diskors f’Ġunju.

Dan wara r-riżultati li kiseb il-Partit Nazzjonalista, riżultat li żera’ tama fiż-żgħażagħ, il-pensjonanti, il-familji Maltin u Għawdxin u fil-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega li dak li qed naraw jiġri bħalissa f’pajjiżna, mhux dak li ħadmu tant għalih missier Malta Indipendenti Ġorġ Borg Olivier u dawk il-persuni kollha li kienu involuti fil-kisba ta’ Malta Indipendenti.

Huwa spjega li kien il-poplu li poġġa responsabbiltà kbira fuq il-Partit Nazzonalista, responsabbiltà li skont il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista hija ċara ħafna; ir-responsabbiltà li nogħlew minn kull fehma u opinjoni, minn kull difett jew preġju, minn kulma jista’ jbiegħed l-għarfien tal-Partit Nazzjonalista li dan huwa mument importanti ħafna għall-pajjiżna.

Alex Perici Calascione wiegħed, li illum 60 sena wara l-kisba tal-Indipendenza ta’ Malta, il-Partit Nazzjonalista huwa impenjat sabiex terġa’ tirrenja l-ġustizzja ugwali li ma tħares lejn wiċċ ħadd, li l-ġid jitqassam ma’ kulħadd sabiex jgħix il-poplu b’dinjità, li terġa’ tissaltan id-demokrazija f’pajjiżna.

Intant, huwa għaraf li dan huwa mument importanti ħafna għall-pajjiż u mhux biss għall-Partit Nazzjonalista u huwa għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qed jaħdem u se jkompli jaħdem sabiex jirrenja r-rispett, is-serenità.

Huwa spjega li minn hawn ‘il quddiem din hija responsabbiltà tal-poplu Malti u Għawdxi kollha sabiex pajjiżna verament ikollu dak kollu li jixraqlu.