Sport

Rebbieħa tal-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar

Mix-xellug: Stephen Azzopardi (Amministratur tal-MSJA), Lorraine Cunningham (General Secretary tal-MSJA), Matthew von Brockdorff (Managing Director u CEO ta' Atlas Insurance), Luca Vella, Leia Summer Madden u Robert Micallef (Chief Commercial Officer ta' Atlas Insurance)

Luca Vella (Open Water Swimming) u Leia Summer Madden (Karate) huma r-rebbieħa tal-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Awwissu 2024 organizzat mill-Għaqda Ġurnalisti Sports.

Luca Vella ta’ 18-il sena, rebaħ għat-tielet darba l-Kampjonat Nazzjonali tal-Għawm Open Water, wara li kien rebaħ ukoll fl-2021 u fl-2023. Din is-sena rebaħ is-sitt itlielaq, fejn ħamsa kienu fuq distanza ta’ żewġ kilometri u l-aħħar waħda ta’ erba’ kilometri. Fl-aħħar tellieqa temm f’56 minuta u 49 sekonda fejn bi tliet sekondi temm qabel Sam Camilleri.

Leia Summer Madden għadha kemm għalqet 13-il sena, rebħet il-midalja tal-fidda fil-World Karate Federation Youth League li sar f’Cancun, fil-Messiku. Għal Malta, din kienet l-ewwel midalja mirbuħa f’din il-kompetizzjoni. Leia Summer Madden  għaddiet mit-tliet rawnds, iżda fil-finali tilfet 7-2 kontra Elina Balint tal-Istati Uniti. F’Awwissu 2023, l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar intrebaħ minn Thyis Antonelli, li wkoll tipprattika l-Karate.

Il-preżentazzjoni tal-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar lir-rebbieħa saret minn Matthew von Brockdorff, Direttur Maniġerjali u CEO ta’ Atlas Insurance, flimkien ma’ Robert Micallef, Chief Commercial Officer. F’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm preżenti s-Segretarju Ġenerali Lorraine Cunningham u l-Amministratur Stephen Azzopardi.

Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta bejn l-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance.