Raġel ta’ 38 sena residenti Bormla, ġie kkundannat sena ħabs sospiżi għal tliet snin mill-Maġistrat Rachel Montebello wara li nstab ħati ta’ ħasil ta’ flus, liema flus kienu ġejjin minn attività kriminali. Il-flus kienu jlaħħqu mal-€40,000.
Il-Qorti semgħet kif Matthew Vassallo kien ġie arrestat mill-Pulizija fid-29 ta’ Novembru 2018 waqt operazzjoni eżegwita mill-Iskwadra ta’ kontra d-Droga li dak iż-żmien kienet qed tissorvelja lil ċertu Etienne Farrugia fir-rigward ta’ suspett li kien se jinnegozja l-bejgħ ta’ xi droga ma’ Vassallo,
Mix-xiehda mismugħa minn Qorti oħra, jirriżulta li Farrugia kien intlemaħ isuq vann u meta kien qed jiġi segwit, ġie osservat javviċina vettura Toyota Vitz fejn il-persuni dehru jitkellmu u jiftiehmu. Etienne Farrugia baqa’ jiġi segwit mill-Pulizija, fejn deher jidħol f’garaxx fi Triq is-Siġġiewi, Ħaż Zebbuġ, u wara ftit tal-ħin ħareġ mill-istess garaxx b’borża mdaqqsa f’idu, liema borża poġġiha fil-vann u telaq.
Ingħataw struzzjonijiet lill-Pulizija biex Etienne Farrugia jitwaqqaf fi Triq il-Ġnien, Santa Lucia, u ftit metri ‘l bogħod mill-post fejn ġie mwaqqaf il-vann li kien qed jinstaq minn Etienne Farrugia. Kienet innutata l-istess vettura li kienet ġiet osservata ftit tal-ħin qabel tavviċina l-vettura ta’ Etienne Farrugia.
Din ġiet imwaqqfa wkoll mill-uffiċjali tal-Pulizija fejn irriżulta li din kienet qed tiġi misjuqa minn Matthew Vassallo filwaqt li bħala passiġġiera fil-vettura kien hemm ċertu Antonio Andolfo u Charlston Cassar. Mill-provi jirriżulta wkoll li waqt it-tfittxija li saret fil-vettura misjuqa mill-imputat, instabet is-somma globali ta’ €39,890 f’kontanti fil-console kif ukoll fil-pussess tal-passiġġier Antonio Andolfo, filwaqt li fil-vettura misjuqa minn Etienne Farrugia nstabet sustanza suspettata droga.
Is-Supretendent Frank Anthony Tabone xehed li waqt it-tfittxija li huwa ordna li ssir ukoll tfittxija fir-residenza ta’ Etienne Farrugia, instabet iktar sustanza suspettata droga eroina, fl-ammont ta’ ċirka tliet kilogrammi.
Fil-pussses tiegħu diversi karozzi, żiemel, gabbana u dgħajsa
Il-Qorti qablet ma’ dak li qalet il-prosekuzzjoni li l-flus li ġew konfiskati mill-imputat ma kenux ġejjin minn tfaddil tal-benefiċċji soċjali jew dawk il-benefiċċji li setgħu ġew imfaddlin b’mod leġittimu minn missieru, kif qal Vassallo.
L-imputat ma weriex li kellu introjtu leġittimu ieħor apparti l-ħlas tal-benefiċċji soċjali u l-ħlas tas-somma ta’ €4,000 bejn 2016 u 2020 mingħand l-għaqda “Helping Hand’s”, u s-somma ta’ €12,000 li kien irċeiva iktar minn 10 snin qabel mill-għaqda ‘Hope’.
Għax anke kieku dan kien il-każ, hu kellu ċertu nefqa konsistenti fi spejjeż marbutin max-xiri tad-diversi karozzi li jirriżulta li kien xtara matul iż-żmien, kiri tar-remissa, ix-xiri tad-dgħajsa u l-gabbana u l-ispejjeż biex din tal-aħħar tintrama, kif ukoll spejjez tal-konsum tad-droga li l-imputat innifsu stqarr li kien jikkonsma fiż-żmien.
Il-Qorti qieset ukoll il-fatt li missier l-imputat f’ebda waqt ma xehed, u ma jirriżulta minn imkien mill-provi proċesswali, li huwa kien jiffinanzja dan l-infiq tal-imputat. Dan kollu magħdud ifisser mhux biss li ġie stabbilit mill-provi li dan id-dħul ta’ flus kontanti, kien ġej minn attività kriminali fejn kellu fil-pussess tiegħu flus kontanti fis-somma ta’ madwar €40,000 li huwa eċċessiv, meta wieħed iqis il-mezzi finanzjarji tiegħu.
Il-Qorti meta daħlet aktar fil-fond qalet li l-qligħ legali tiegħu huwa insuffiċjenti, meta wieħed jikkonsidra l-infiq li neċessarjament kellu jagħmel biex jixtri diversi vetturi, żiemel, gabbana, dgħajsa u drogi kif ukoll biex iħallas l-ispejjeż tal-ħajja, biex jiġġustifika l-pussess u akkwist ta’ flus kontanti fis-somma ta’ €40,000.
Huwa naqas milli juri kif qatt setà, bi dħul konsistenti biss f’benefiċċji soċjali u ħlas tas-somma ta’ €12,000 iktar minn 10 snin qabel u s-somma ta’ €4,000 imħallas bejn l-2016 u l-2020, jippermetti dawn il-kapriċċi kollha, fl-istess żmien u jfaddal €500 fix-xahar, u wkoll, fl-istess ħin, ikollu fil-pussess tiegħu wkoll flus kontanti ta’ €40,000.
Għal dawn il-motivi kollha, il-Qorti sabet lill Vassallo ħati ta’ ħasil ta’ flus u kkundannatu sena priġunerija sospiż għal tliet snin. Dwar l-akkwist ta’ flejjes mill-kriminalità, il-Qorti ordnat it-teħid favur il-Gvern tas-somma ta’ €39,890 rappreżentanti l-proprjetà li nkisbet mir-reat ta’ ‘money laundering’.
Il-Qorti spjegat lill-ħati bi kliem ċar ir-responsabbiltà tiegħu taħt l-artikolu 28B tal-Kapitolu 9 tal-Liġijiet ta’ Malta jekk jikkommetti matul il-perijodu operattiv, reat li għalih hemm piena ta’ priġunerija. Il-Qorti ordnatlu wkoll iħallas l-ispejjeż tal-Qorti u l-esperti mqabbda minnha li jlaħħqu mat-€800.
//= $special ?>