Sport

SportMalta tniedi edizzjoni oħra tal-Ġimgħa Ewropea tal-Isport

Il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport ta’ din is-sena li se ssir bejn it-22 u t-30 ta’ Settembru, se turi attivitajiet sportivi madwar Malta u Għawdex kollha biex tilħaq lil kull individwu fi ħdan il-komunità bħall-kunsilli lokali, il-postijiet tax-xogħol u l-iskejjel iżda anke klabbs, assoċjazzjonijiet, federazzjonijiet, u l-pubbliku.

L-Avveniment Prinċipali Nazzjonali se jsir fil-Marsa Sports Grounds nhar il-Ħadd, 22 ta’ Settembru, mill-15:00 sas-18:00. Dan l-avveniment iwiegħed varjetà wiesgħa ta’ attivitajiet sportivi aċċessibbli għal kulħadd. Il-parteċipanti se jkollhom l-opportunità li jesploraw u jgawdu sports differenti f’ambjent akkoljenti li jinkoraġġixxi ħidma f’tim, divertiment, u saħħa fiżika.

Bi tħejjija għall-avvenimenti, SportMalta għamlet arranġamenti estensivi biex tiżgura s-sigurtà u l-kumdità ta’ dawk kollha li ser attendu.

It-tieni qofol tal-ġimgħa huwa l-#BeActive Night, skedat għas-Sibt, 28 ta’ Settembru, li joffri taħlita ta’ sfidi fiżiċi eċċitanti. L-avveniment bil-lejl se jibda fis-19:00 u se jinkludi Obstacle Course Racing (OCR), CrossFit, u diversi Sfidi tal-Fitness maħsuba biex jimbuttaw lill-parteċipanti sal-limiti tagħhom f’atmosfera divertenti u inklużiva. Din iċ-ċelebrazzjoni speċjali tal-fitness tistieden lin-nies ta’ kull età u livelli ta’ fitness biex jingħaqdu flimkien, jiskopru modi ġodda biex jibqgħu attivi, u jrawmu sens ta’ komunità permezz ta’ attività fiżika kondiviża.

Il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport 2024 tnediet uffiċjalment mis-Sinjura Rose Marie Mercieca, il-Koordinatur Nazzjonali, f’ċerimonja li enfasizzat l-importanza ta’ din l-inizjattiva. Appoġġjat mill-Unjoni Ewropea u SportMalta, dan l-avveniment annwali jinkoraġġixxi individwi ta’ kull età, sfond, u kapaċitajiet biex iħaddnu l-isport u l-attività fiżika.

Waqt it-tnedija, l-Olympians Maltin Gianluca Chetcuti u Katryna Esposito qasmu l-vjaġġi personali tagħhom, u enfasizzaw kif l-isport sawwar ħajjithom. Tkellmu b’passjoni dwar l-isfidi u t-trijonfi li jiffaċċjaw l-atleti u kif it-teħid tal-ewwel pass lejn l-isport jista’ jiftaħ dinja ta’ benefiċċji.

Il-kowċis Karl Cortis u Rodmar Pulis qasmu wkoll l-involviment tagħhom fil-Ġimgħa Ewropea tal-Isport. Tkellem, ukoll id-Deputat Chairman ta’ SportMalta, Keith Bartolo.

Clifton Grima, il-Ministru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka, u Innovazzjoni; faħħar l-inizjattiva għal-livelli għoljin ta’ parteċipazzjoni tagħha u saħaq kif inizjattivi bħall-Ġimgħa Ewropea tal-Isport jgħinu biex iwittu t-triq għall-ġenerazzjonijiet futuri biex jimpenjaw ruħhom aktar fil-fond mal-attività fiżika. F’mument speċjali, il-Ministru Grima onora l-memorja ta’ Jake Vella, ambaxxatur tal-Ġimgħa Ewropea tal-Isport, billi ppreżenta simbolu ta’ apprezzament lil missieru għall-kontributi ta’ Jake lejn l-isport fil-komunità.

Kull min se jieħu sehem fil-Ġimgħa Ewropea tal-Isport, huma mħeġġa jiċċekkjaw regolarment il-websajt ta’ SportMalta sportmalta.mt u l-kanali kollha tal-midja soċjali ta’ SportMalta.