Internazzjonali

Tiħrax il-gwerra bejn Iżrael u l-Ħeżbollah fost xita ta’ missili u attakki mill-ajru… attakk ieħor tal-Iżraeljani fuq Bejrut

Il-kunflitt li ilu x-xhur bejn Iżrael u l-milizji Xiti Lebaniżi tal-Ħeżballah issa assuma livell ferm aktar brutali u li għandu jħalli riperkussjonijiet terribbli għal-Lvant Nofsani kollu.

Fl-aħħar jiem spikka l-qtil u feriment tal-uffiċjali u membri tal-Ħeżbollah li splodewlhom il-pagers u mezzi oħra ta’ komunikazzjoni b’konsegwenzi diżastrużi. Dan fost allegazzjonijiet li l-aġenti tas-servizzi sigrieti Iżraeljani kienu wettqu sabutaġġ f’dan it-tagħmir u bir-riżultat li ħallew kaos sħiħ fost il-ġerarkija tal-Ħeżbollah.

Sadanittant, il-qawwiet tal-ajru Iżraeljani llum wettqu attakki estensivi fuq in-Nofsinar tal-Libanu u fejn huma laqtu l-pożizzjonijet strateġiċi tal-milizji Xiti.

Il-militar Iżraeljan tenna, wara, li rnexxielu jolqot ‘il fuq minn 100 sit li l-Ħeżbollah kienu qed jużaw biex jisparaw ir-rokits lejn Iżrael u bl-ajruplani anki jeqirdu depot għall-armamenti u l-munizzjon tal-milizji Xiti.

Ftit wara, il-milizji tal-Ħeżbollah fil-Libanu wieġbu għall-attakk permezz ta’ baraxx ta’ rokits immirati għat-Tramuntana ta’ Iżrael – attakk li minnufih attiva s-sistemi tal-allert għar-residenti fl-ibliet u l-villaġġi ta’ dan il-pajjiż. Dan waqt li rapporti mhumiex ikkonfermati referew għal numru ta’ midruba f’Iżrael.

L-aħħar azzjonijiet kienu pjuttost mistennija wara li l-Ministru Iżraeljan għad-Difiża, Yoav Gallant, għamilha ċara li ‘Iżrael qed jibda fażi ġdida u aktar intensiva tal-gwerra mal-Ħeżbollah’ – front ta’ kunflitt ieħor fir-reġjun li qed jiżvolġi fl-istess żmien tal-battalji li għaddejjin kontinwament bejn il-militar Iżraeljan u t-terroristi tal-grupp Ħamas fil-Medda ta’ Gaza.

Min-naħa tagħhom, il-Ħeżbollah, fl-aħħar stqarrjiet, qalu li huma lesti għal gwerra fit-tul ma’ Iżrael.

Dan waqt li l-Kap Suprem tal-milizji Xiti, Sheik Hassan Nasrallah, ħalef li jivvendika ruħu ma’ Iżrael għall-isplużjonijiet tat-tagħmir għall-komunikazzjoni li ħallew straġi fost il-kapijiet u l-ġellieda tal-grupp tiegħu. Fl-isplużjonijiet ta’ din il-ġimgħa kienu mietu tal-anqas 40 fil-Libanu, b’eluf jispiċċaw feruti, uħud kritikament.

Fi żvilupp ieħor relatat mal-isplużjonijiet tal-pagers u l-walkie-talkies fil-Libanu, l-Aġenzija (DANS) tal-Istat għas-Sigurtà fil-Bulgarija, insistiet li l-ebda fost il-pagers li splodew nhar it-Tlieta fil-Libanu ma kienu prodotti jew esportati minn dan il-pajjiż.

Fl-aħħar sigħat ukoll, it-Tmexxija tal-Istati Uniti – l-akbar alleata ta’ Iżrael – esprimiet tħassib kbir dwar l-eskalazzjoni potenzjali tal-kunflitt madwar il-Lvant Nofsani – bil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jiltaqa’ biex jiddiskuti l-aħħar żviluppi perikolużi wara l-azzjonijet militari.