Wara kontroversji sħaħ dwar it-toroq… il-Gvern nieda skema bl-isem ‘Kulħadd’ li se tkun qed twassal għall-qlugħ mill-ġdid tat-toroq. Bil-Gvern jgħid ukoll li se jibda jħawwel is-siġar.
Dan il-proġett ġie mniedi b’pompa kbira mill-Ministru tat-Traffiku, Chris Bonett, li kkonferma li din l-iskema m’għandix miri. U allura, ma nafux meta se nibdew naraw xi forma ta’ differenza quddiem is-sitwazzjoni diżastruża fit-toroq Maltin.
Apparti l-fatt li din l-iskema ġiet imnedija mingħajr ma saru diskussjonijiet mal-imsieħba soċjali.
“Se nkunu qed niddiskutu mal-imsieħba soċjali ħalli naraw li l-pjan li ħejjejna huma stess ikunu kuntenti bih,” qal Bonett.
Chris Bonett ikkonferma wkoll li għal dawn l-aħħar snin, il-Gvern mexa bi strateġija ta’ tkabbir fil-popolazzjoni mingħajr pjan long-term. Biex imbagħad jipprovaw jaġixxu meta l-problema tiġi ma’ wiċċhom.
“Kif bdew jiġu l-isfidi lejn l-infrastruttura bdejna nindirizzawhom,” qal Bonett.
In-nuqqas ta’ serjetà mill-Gvern wassal sabiex il-poplu Malti u Għawdxi jbati ir-riperkussjonijiet; fosthom temperaturi għola minħabba li tneħħa d-dell tas-siġar mit-toroq, u ż-żieda eseġerata fil-popolazzjoni li tfisser li l-infrastruttura, is-saħħa u għadd ta’ setturi oħra mhux ilaħħqu mad-domanda.
Fit-tnedija ta’ din l-iskema, il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Steve Ellul, insista fuq il-ħtieġa ta’ kwalità ta’ ħajja aħjar għal dawk li jgħixu f’Malta. Bil-Gvern donnu qed jirrealizza – wara 11-il sena – li hemm bżonn isir xi ħaġa.
//= $special ?>