Lokali

BĦAL-LUM 60 SENA: L-ewwel Quddiesa bil-Malti

Kitba ta' Fr Michael Bugeja

Bħal-lum 60 sena fl-Arena tal-Indipendenza kienet ċelebrata quddiesa mill-Arċisqof Mikiel Gonzi li għall-ewwel darba inkludiet siltiet bil-Malti li sa dakinhar setgħu jiġu tradotti mil-Latin.

Nhar it-Tnejn, 21 ta’ Settembru 1964, il-Maltin setgħu jgħidu li issa kienu rajhom f’idejhom bil-kisba tal-Indipendenza, wara snin sħaħ ta’ taqtigħ il-qalb. Illum, sittin sena wara, nifirħu, għaliex nafu li dakinhar li ħadna l-Indipendenza, ma spiċċax kollox, imma bdiet mixja li, mhux bi ftit diffikultà, sawritna fi stat sovran postu ma’ ġnus oħra, fi stati b’popolazzjonijiet ħafna ikbar.

Iżda dakinhar ukoll, fix-Xagħra tal-Furjana, ma kinetx ċelebrata biss din il-kisba storika, minn poplu kburi b’dak li hu u b’dak li ried u ttama li jsir, iżda wkoll il-lingwa Maltija, li matul iż-żmien għaddiet minn ħafna tlajja’ u nżul ta’ stima u ta’ apprezzament, ġiet mgħollija fl-għoli sew, meta fost dawn iċ-ċelebrazzjonijiet, l-Arċisqof Mikiel Gonzi, ċċelebra l-Quddiesa, bil-partijiet li sa dakinhar setgħu jiġu tradotti, bil-Malti.

Hekk il-Malti ma baqax biss parti mill-identità kontemporanja u l-wirt għani ta’ dan il-poplu, iżda ġie wkoll mgħolli bħala espressjoni tal-fidi u tal-qima li dan il-poplu jagħti lil Alla.

Mal-kisba tal-Indipendenza, il-poplu Malti kien wieħed mill-ewwel ġnus fil-Knisja Universali li seta’ jitlob bil-lingwa tiegħu; jifhem dak li Alla jrid iwassallu u jkellmu bl-ilsien li tatu ommu. Dakinhar kien l-ewwel pass biex il-Quddiesa tiġi ċelebrata bil-Malti kemm f’Malta u kemm f’Għawdex. Fl-ewwel Ħadd tal-Avvent, it-28 ta’ Novembru tal-1964, beda jintuża l-Missal bil-Malti, l-ewwel fil-Ħdud u l-festi u fl-ewwel Ġimgħat tax-xahar, imbagħad, iktar tard, fil-Quddies kollu.

Grati lejn dawk li ħejjew it-triq

Meta l-Liturġija kienet issir kollha bil-Latin, waqt li ħafna Nsara Maltin kienu jżebbġu l-kuruna tar-Rużarju, ma kinux ftit dawk, qassisin u lajċi, li ppruvaw kemm u kif setgħu, jibdlu din is-sitwazzjoni u jħajru lill-ġemgħa liturġika tieħu sehem iktar attiv f’dak li jkun qed isir, l-iktar, billi għall-inqas jifhmu xi jkun qed jingħad.

Ngħiduha kif inhi, dan ma kinetx l-iktar ħaġa faċli, anke minħabba li l-biċċa l-kbira tal-poplu Malti, ma kienx jaf jaqra, u dawk li kienu jafu jaqraw, ftit li xejn kellhom ħajra jaqraw il-Malti. Sfortunatament, minn dak iż-żmien ’l hawn, il-mentalità li l-Malti huwa tat-tieni grad jew inqas, mhux talli ma twarrbitx, talli kkargat iżjed.

L-ewwel traduzzjonijiet ta’ testi liturġiċi għall-Malti, li ta’ min insemmu b’ġieħ, huma dawk li ħarġu mill-pinna ta’ Mikielanġ Camilleri (1813-1903). Dan Mikielanġ, kien qassis Kattoliku li ngħaqad mal-Knisja Anglikana, u bħala membru ta’ din il-Knisja, fl-1845 ittraduċa l-Missal Anglikan magħruf bħala l-Book of Common Prayer. F’din il-biċċa xogħol, Camilleri wera li l-Malti kien lingwa dinjituża u xierqa biżżejjed li biha setgħu jitwasslu ideat u ħsibijiet spiritwali profondi.

X’aktarx imqanqlin mill-kitbiet ta’ Camilleri, oħrajn tħajru jibdew din il-ħidma fil-Knisja Kattolika. Fl-1848, Richard Taylor (1818-1868), kittieb influwenti ħafna fil-qasam ta’ kitbiet reliġjużi, ittraduċa u ppubblika l-Uffiċċju kollu tal-Ġimgħa Mqaddsa u miegħu traduzzjoni tal-Ordni tal-Quddiesa (dawk it-testi li jingħadu l-istess f’kull Quddiesa) li kienet tinkludi l-Kanone Ruman, illum magħrufa bħala l-Ewwel Talba Ewakristika, jiġifieri dik it-talba li tibda wara l-Qaddis, Qaddis, Qaddis, u tintemm bl-akklamazzjoni Bi Kristu, ma’ Kristu u fi Kristu) bil-kliem tal-konsagrazzjoni b’kollox, xogħol tal-Kanonku Fortunat Panzavecchia (1796-1897).

Monsinjur Ludovik Mifsud Tommasi (1796-1897), magħruf l-iktar għall-kurunelli (f’forma ta’ poeżiji sempliċi li jirrakkuntaw il-ħajja ta’ xi qaddis jew qaddisa, b’tagħlim mislut minn ħajjithom) li ħafna minnhom għadhom jingħadu f’ħafna knejjes sal-lum, kiteb ukoll traduzzjoni tal-Ordni tal-Quddiesa f’forma ta’ poeżija.

Il-Kuddiesa bil-Malti, ħarġu Ġużè Muscat Azzopardi (1853-1927) fl-1902. Dan kien ktejjeb ċkejken li kien fih bil-Malti traduzzjoni ta’ dak kollu l-qassis kien jgħid waqt il-Quddiesa bil-Latin. Hekk il-ġemgħa Maltija setgħet tkun taf x’inhu jingħad u tidħol iktar fih. Muscat Azzopardi kien iħeġġeġ ħafna lill-qarrejja Maltin biex jużaw dan il-ktieb. Kien jgħid: “Minkejja ċ-ċokon tiegħu, dan il-ktieb jgħinek timxi pass pass mal-qassis huwa u jqaddes u tgħid miegħu, kelma b’kelma, kulma jgħid hu, daqs li kieku qed tieħu sehem fil-quddiesa.”

Għal Muscat Azzopardi dan ma kienx biżżejjed. Imqanqal u mħeġġeġ mill-popolarità ta’ dan il-ktejjeb, iddeċieda li jaqleb għall-Malti l-Missal kollu u hekk stampa u ppubblika l-ewwel missalin tal-festi bil-Malti fl-1918.

Vincent Cassar (1910-1961) ċaqlaq l-ilma iżjed fil-qlib għall-Malti tat-testi liturġiċi, meta, taħt il-kappa tal-Azzjoni Kattolika, ippubblika fuljetti bil-Quddies tal-Ħdud, l-ewwel fl-1937 u oħra iktar tard, fis-snin erbgħin.

Wara li l-Papa Piju XII ħareġ l-enċiklika Mediator Dei, fl-1947, l-ewwel enċiklika li qatt inkitbet kollha kemm hi dwar il-Liturġija, l-Azzjoni Kattolika Maltija bdiet tippubblika Il-Quddiesa mas-saċerdot, bil-ħsieb li tgħin lill-ġemgħa tal-fdili jifhmu aħjar u jieħdu sehem iktar fil-Liturġija tal-Ewkaristija. Dawn il-fuljetti kien fihom traduzzjonijiet tat-taqsimiet ewlenin tal-Ordni tal-Quddiesa, li bdew iwasslu biex tinħoloq rabta ikbar bejn dak li qed isir u l-poplu li jkun qiegħed jitlob il-Quddiesa.

It-traduzzjoni uffiċjali wara l-Konċilju Vatikan II

Jekk qabel il-Konċilju, fil-qasam tat-traduzzjonijiet għall-Malti (u lingwi oħra) ċċaqlaq l-ilma, din il-ġrajja storika fil-ħajja tal-Knisja (u tad-dinja), ġabet magħha rjieħ qawwija, meta, fost l-oħrajn il-lingwi nazzjonali (jew il-vernakular) ġew milqugħa bħala għodda ta’ qima flimkien mal-Latin. Dan wassal biex għall-poplu Nisrani, miġbur f’ġemgħa liturġika seta’ jitlob flimkien u jqim lil Alla bil-lingwa tiegħu ukoll.

F’Malta, dan ix-xogħol, waqa’ f’idejn Monsinjur Ġużeppi Lupi, Monsinjur Karm Sant, Monsinjur Arthur Said Pullicino u d-Dumnikan Patri Valent Barbara. Dawn middew għonqhom għax-xogħol u ħadmu qatigħ u bla heda biex jaqilbu għall-Malti l-Missal Latin u l-kotba liturġiċi l-oħra kollha. Ta’ min isemmi wkoll li l-ħidma tagħhom ma setgħetx tasal fl-idejn li kieku ma kienx għal bżulija tal-ħaddiema tal-Empire Press.

It-traduzzjoni tat-testi lirurġiċi għal-lingwa tal-post, mhix l-iktar ħaġa faċli. Titlob mit-traduttur, li jkun jagħraf iż-żewġ lingwi tajjeb ħafna u jħaddem il-lingwa li fiha qed jaqleb it-test oriġinali, b’sengħa kbira, waqt li jżomm f’moħħu li jrid iżomm bilanċ bejn il-fedeltà lejn l-oriġinal (f’dal kas, il-Latin) u l-ħtieġa li jittraduċi f’lingwaġġ kontemporanju sabiħ u mirqum, kultant anke bl-użu ta’ lingwaġġ sagru u poetiku. Traduzzjoni litterali, tista’ ma twassalx dak li jrid iwassal l-oriġinal, u allura l-ġemgħa ma tkunx qed titlob.

Min-naħa l-oħra, traduzzjoni iktar dinamika u forsi wkoll, radikali, tissogra titlef il-ħsieb veru ta’ min fassal il-Missal jew it-test liturġiku, matul dawn is-snin kollha ta’ Knisja.

Barra minn hekk, dawn in-nies sabu ma wiċċhom problema oħra. Faċli tgħid li l-Missal għandu juża l-lingwa tal-poplu, iżda jekk dan isir mingħajr l-attenzjoni meħtieġa, jista jwassal biex it-test liturġiku, li minnu nnifsu hu sagru, għax irid iwassal biex isseħħ komunikazzjoni, mhux biss tal-individwu iżda tal-Knisja kollha, bejn Alla u l-bniedem, jispiċċa jġib fix-xejn u kultant iwaqqa’ għar-redikolu, it-testi oriġinali.

L-għan ewlieni kien li r-riżultat tal-ħidma tagħhom ikun jirrifletti l-esperjenza kontemporanja tal-Insara f’dak li hu ta’ Alla (il-misteri qaddisa). Dan jitlob li minn żmien għal żmien isir tibdil fil-lingwa użata fil-Liturġija, iktar u iktar meta wieħed iżomm f’moħħu li, filwaqt li l-Latin huwa xi ftit jew wisq, lingwa statika, għax m’għadhiex mitkellma, ħlief f’ċerti oqsma, il-lingwi l-oħrajn jevolvu u allura jinbidlu matul is-snin u minn żmien għall-ieħor.

Reviżjoni tal-Missal Ruman

Sittin sena wara l-ewwel Quddiesa bil-Malti, u wara l-publikazzjoni tat-tielet edizzjoni tal-Missal Ruman, inħasset il-ħtieġa li l-Missal Ruman bil-Malti jiġi rivedut. Mons. Arċisqof Emeritu Ġorġ Frendo, ġie mqabbad mill-Konferenza Episkopali Maltija, biex flimkien ma’ kummissjoni ta’ nies maħtura għal dan il-għan, iħejju edizzjoni ġdida tal-Missal Ruman bil-Malti. Dan il-Missal, li hemm il-ħsieb li jibda jintuża lejn il-bidu tas-sena d-dieħla, għandu l-għan, u jalla jilħqu, li jgħin lill-Kattoliċi Maltin jieħdu sehem f’Liturġija li tqanqalhom iżjed biex jidħlu fil-qalba tal-misteru ta’ Alla, b’lingwa li filwaqt li tinftiehem iktar, tirrispetta d-dinjità tal-istess lingwa, f’soċjetà li, iktar kemm jgħaddi ż-żmien, inqas tapprezza dak li jagħmilha indipendenti u distinta minn ġnus oħrajn.