Futbol Sport

Draw ta’ gowl kull wieħed bejn Balzan u Ħamrun Spartans

(Ritratt: Joseph Galea)

Neil Camenzuli

BALZAN ……………………………………..1

ĦAMRUN SPARTANS  ……………….1

Balzan: D.Golovic, G.Camilleri (J.Engerer 54’), S.Arab, N.Pulis, J.Busuttil (I.Westendorf 71’), B.Hili (J.Grech 71’), O.Awosanya, H.Stanic, K.Williams, U.Akpan, M.Silva (M.Ahadi 15’)

Ħamrun S: F. Da Paz, M.Ellul, S.Xerri, L.Montebello, C.Mba, J.Mbong (W.Barros 81’), R.Prsa, E.Freitas (E.Bruno 81’), M.Barbos, E.Marcellina, L.Raphael (S.Attard 81’)

Imwissija: M.Silva 8’, G.Camilleri 43’, H.Stanic 73’, 74’, J.Engerer 80’ (B), L.Montebllo 75’ (Ħ)

Tkeċċa: H.Stanic 74’ (B)

Skorjaw: U.Akpan 57’ (B), L.Raphael 35’ (Ħ)

Referee: Matthew De Gabriele

Assistenti Referees: Mitchell Scerri u Max-Lee Muscat

BOV Plejer tal-Logħba: Dimeji Awosanya Oluwatobilaba (Balzan)

Għat-tieni ġurnata konsekuttiva Ħamrun Spartans fallew milli jieħdu t-tlett punti, dan hekk kif il-ġimgħa l-oħra tilfu kontra Mosta, biex illum ġew miżmuma minn Balzan bl-iskor finali jkun 1-1. L-Ispartans bħalissa jokkupaw il-5 post fil-klassifika wara 5 logħbiet, fejn rebħu tnejn, temmew fi draw darbtejn u tilfu waħda.

Balzan bdew fuq nota tajba hekk kif ftit qabel in-nofsiegħa logħob, l-eks Sirens Nicholas Pulis ittanta xortih mill-bogħod bil-ballun jgħaddi ftit barra.

Minkejja l-pressjoni ta’ Balzan, Ħamrun fetħu l-iskor ftit minuti wara, preċiżament fl-34 minuta Roko Prsa jqassam ballun fit-tul lejn Lopes Silva, b’dan tal-aħħar jaqbeż lill-goalkeeper Golovic u jixħet bil-kalma fix-xibka.

Fit-42 minuta l-Ispartans jerġgħu jkunu perikolużi, b’din id-darba Luke Montebello jsib ruħu quddiem Golovic, bl-attakkant Internazzjonali Malti ma jirnexxilux jikkonludi tajjeb u jitfa’ barra, biex b’hekk l-Ispartans jiħlu jistrieħu b’vantaġġ minimu ta’ gowl.

Balzan għal darb’oħra ħarġu jattakkaw, fil-55 minuta intervent perikoluż taż-żagħżugħ Sven Xerri fil-kaxxa fuq Awosanya rriżulta f’penalty. Akpan inkariga ruħu mill-penalty u jsib ix-xibka b’tentattiv tajjeb.

Balzan komplew il-forzi tagħhom minkejja l-gowl, hekk kif fit-63 minuta, inzeriment tajjeb ta’ Awosanya mil-lemin u konklużjoni immedjata b’saħħita, b’ Da Paz Silva jintervjeni tajjeb u jirnexxielu jitfa’ barra.

Tlett minuti wara Balzan taħt il-pressjoni, Roko Prsa jittanta xortih mid-distanza, b’ Golovic jitfa’ barra tajjeb.

Fis-70 minuta Balzan b’azzjoni oħra din id-darba minn kontrattakk veloċi, bil-goalkeeper Da Paz Silva jerġgħa jintervjeni tajjeb.

Il-partita ntemmet fi draw ta’ gowl kull wiweħed, biż-żewġ timijiet jieħdu punt lura magħħhom.

It-tim ta’ Balzan jiċċelebra l-gowl tad-draw (Ritratt: Joseph Galea)

Ħamrun Spartans skorjaw l-ewwel permezz ta’ Lopes (Ritratt: Joseph Galea)

Joseph Mbong ta’ Ħamrun fil-pussess tal-ballun (Ritratt: Joseph Galea)