It-tensjoni fil-Lvant dejjem qed tkompli tiżdied – dan hekk kif matul il-ġurnata tas-Sibt inqatel il-kmandant tal-Hezbollah Ibrahim Aqil.
L-attakk mill-ajru seħħ fis-subborgi tan-Nofsinhar ta’ Beirut, fejn minn tal-inqas 31 persuna sfaw mejta. Bl-uffiċjali tal-Libanu jistqarru li kienu l-Iżraeljani l-mħuħ wara dan l-attakk li kien immirat fuq territorju tal-Hezbollah.
Intant, il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu ippubblika stqarrija, fejn stqarr illi “l-għanijiet tiegħu huma ċari u l-azzjonijiet qed jitkellmu waħedhom.”
Wara dan l-attakk kienu l-Prim Ministru Netanyahu flimkien mal-Ministru tad-Difiża illi wiegħdu li se jkunu qed jerġgħu jassiguraw is-sigurtà fit-Tramuntana ta’ Iżrael biex is-60,000 resident li ħarbu minn djarhom minħabba l-attakki, jkunu jistgħu jerġgħu lura fi djarhom.
Dan filwaqt li huwa stmat li 120,000 Libaniż ġew imġiegħla joħorġu minn djarhom tul il-fruntiera.
Skont il-Forzi tad-Difiża Iżraeljani l-attakk mill-ajru f’Beirut huwa t-tieni wieħed f’xahrejn, immirati lejn il-kmandanti tal-Hezbollah.
Skont sorsi li qed jiġu kkwotati fil-midja Lebaniża, jidher illi l-grupp ta’ mexxejja anzjani tal-Hezbollah kien qed jiltaqa’ f’kantina taħt l-art ta’ blokka kbira ta’ djar meta l-missila laqtet din l-istess blokka.
Fuq in-naħa l-oħra Il-militar Iżraeljan qed isofri telf ukoll, fejn il-ġurnata tas-Sibt rat żewġ funerali għas-suldati Iżraeljani maqtula fuq il-fruntiera tat-Tramuntana tal-Iżrael.