Il-poplu Malti jiċċelebra l-Indipendenza

Kienu bdew it-tħejjijiet għall-festi kbar biex niċċelebraw il-kisba tal-Indipendenza. Ma kienx hemm żmien. Għalhekk kollox ried isir bl-għaġla iżda bl-għaqal u b’rispett lejn il-protokoll li Ġorġ Borg Olivier kien jemmen fih. Twaqqaf kumitat organizzattiv taħt it-tmexxija tal-Ministru Carmelo Caruana. Dan beda jaħdem biex jagħti dehra ġdida lil Malta l-aktar it-triq mill-ajruport sal-Belt Valletta u l-Furjana fejn kienu se jsiru l-attivitajiet ewlenin. It-toroq ewlenin ingħataw it-tarmak.

Tqiegħdu arbli tad-dawl tul it-triq kollha. Inbniet l-Arena tal-Indipendenza fil-Furjana fejn kellha ssir iċ-ċerimonja tal-inżul tal-bandiera Ingliża u tat-tlugħ tal-bandiera Maltija fil-lejl storiku ta’ bejn il-20 ul-21 ta’ Settembru. X’jiem sbieħ kienu dawk ta’ qabel Jum l-Indipendenza! Niftakarni nidħol fil-Berġa ta’ Aragona fejn kienet qed tingħorok l-art tal-irħam u fejn sar xogħol ta’ tisbiħ u ta’ manutenzjoni u ħidma oħra biex ir-residenza tal-Prim Ministru tidher aħjar u isbaħ.

Borg Olivier kien bniedem fitt għad-dettalji u dan għaddieh lil dawk kollha ta’ madwaru. L-istess seħħ f’diversi palazzi oħrajn, bħall-palazz tal-Gran Mastru li kien is-sede tal-Parlament u l-Uffiċċju tal-Gvernatur, li mal-Indipendenza sar Gvernatur Ġenerali.

Il-programm tal-festi

Il-programm tal-festi beda jitħejja. Kellu jkun wieħed li jgħaqqad lill-poplu b’attivitajiet fil-bliet u l-irħula kollha, b’attivitajiet uffiċjali tal-ogħla kwalità. Il-Gvern ried li dawn ikunu jiem ta’ ferħ nazzjonali u għalhekk stieden lill-poplu biex iżejjen il-galleriji u l-bjut bi bnadar u dwal u anke bi fjakkoli. Ġew mistiedna l-pajjiżi tal-Commonwealth, pajjiżi Ewropej, il-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, il-pajjiżi tal-Mediterran u organizzazzjonijiet internazzjonali.

Is-siġar kollha mill-Furjana sal-Blata l-Bajda u l-isfel lejn Tal-Pietà żżejnu b’eluf ta’ bozoz li meta nxtegħlu taw dehra tal-pajjiż tas-sħarijiet. Id-dipartimenti tal-Gvern ingranaw biex iħejju għall-jum storiku. Anke s-servizzi Ingliżi ippreparaw għal-lejl tal-Indipendenza b’parati u b’kunċerti minn ‘massed bands’.

Fl-irħula u l-ibliet studenti universitarji ħejjew diskorsi patrijottiċi, b’armar tat-toroq bi bnadar u dwal. Inħadmu wkoll eluf ta’ bnadar Maltin skont il-Kostituzzjoni, jiġifieri bojod u ħomor bil-‘George Cross’ kulur il-fidda, bil-bordura ħamra. Tħejjiet ukoll il-‘coat of arms’ il-ġdida ta’ pajjiżna. Tellieqa kontra ż-żmien li l-Maltin u l-Għawdxin daħlu għaliha b’entużjażmu kbir u li kienet l-ewwel xaqq ta’ dawl li kellu jwassal biex pajjiżna jibda joħroġ mill-kriżi ekonomika qawwija li konna dħalna fiha bħala riżultat tal-ħakma kolonjali u t-tnaqqis ta’ eluf ta’ Maltin mid-Dipartimenti tas-Servizzi Militari Ingliż.

Minkejja x-xogħol kollu li kellu, il-Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier kien sab ħin biex jibgħat għalija fil-Berġa ta’ Aragona u jistedinni biex nattendi għall-attivitajiet kollha li kienu se jsiru fil-jiem tal-Indipendenza. Niftakru jsejjaħ lil Effie Gatt, is-Segretarju Privat tiegħu, u jgħidlu biex jara li jien u l-għarusa tiegħi, illum marti, niġu mistiedna għal kull attività. Niftakarni wkoll nagħmilha daqsxejn ta’ wiċċ tost u għal xi attivitajiet nitlob invit anke għal ħabib tiegħi u l-għarusa tiegħu.

Biss li kien jimpressjonani f’Ġorġ Borg Olivier kien il-ferħ u l-entużjażmu li kien jidher fuq wiċċu. Għaliex verament kellu għalfejn jifraħ. Kien irnexxielu jwassal fil-port l-aspirazzjonijiet tal-mexxejja Nazzjonalisti ta’ qablu li sa minn dejjem kienu favur li pajjiżna jkun wieħed sovran u indipendenti. Ħajtu ma kinetx biss ward u żahar. Kien hemm żmien meta għall-ideali tiegħu kellu jbati. Bħal meta miet Sir Ugo Mifsud jiddefendi fil-Kunsill tal-Gvern il-Maltin li kienu qed jiġu internati, ġie internat Nerik Mizzi lejn l-Uganda u sab ruħu jitkellem f’isem il-PN fil-Kunsill tal-Gvern. Bħal meta mexxa l-Partit Nazzjonalista fil-ġlieda kontra l-‘integration’ li rebaħ minkejja dak kollu li għamel il-Gvern Laburista mmexxi minn Duminku Mintoff biex jirbaħ hu. Bħal meta saret ħidma biex itajruh minn Kap tal-Partit Nazzjonalista tant li anke waslu li jaqsmu lill-PN u joħorġu minnu partit ieħor, il-Partit Demokratiku Nazzjonalista. Imbagħad kien hemm anke affarijiet personali.

Ġorġ Borg Olivier darba rrakkuntali li meta fl-1950 kien hemm fil-gvern il-Partit Laburista kienu ħarġulu ordni ta’ rekwiżizzjoni biex jeħdulu nofs id-dar tiegħu f’Tas-Sliema u jagħtuha lil Johnie Cole, li allura kien deputat Laburista. Qalli li din ir-‘requisition order’ kienet tiġi esegwita li kieku ma kienx għax waqa’ l-Gvern Laburista mmexxi mit-Tabib Pawlu Boffa wara li l-Perit Mintoff qasam l-istess partit.

Borg Olivier irrakkuntali li meta waqa’ l-Gvern Laburista mar id-dar ferħan u jgħajjat li kien waqa’ l-Gvern Laburista u li għalhekk l-ordni ta’ rekwiżizzjoni issa ma kinetx se tiġi esegwita. Qalli li bil-ferħ ried jiddendel mal-purtieri! Biss Borg Olivier minbarra l-kalma tiegħu kien kapaċi jistenna. Ma kienx jitferfex biex jieħu deċiżjoni. Kien jistenna li ċerti deċiżjonijiet jieħdu l-korsa tagħhom. Dan kien jherri lil min kien ikun fuq l-istess mejda miegħu iżda kien jwassal għal riżultati pożittivi.

Din il-kapaċità Ġorġ Borg Olivier urieha fil-negozjati li kellu mal-Gvern Ingliż u li wasslu għall-kisba tal-Indipendenza flimkien ma’ ftehim finanzjarju u trattat ta’ difiża. Il-kobor tiegħu kien l-akkwist ta’ 51 miljun lira Sterlina għal pajjiżna li ’l quddiem naraw x’kien kapaċi jagħmel bihom biex f’pajjiżna seħħ miraklu ekonomiku mingħajr preċedent. Ammont ta’ flus li kien fost l-ikbar li qatt ingħatat kolonja Ingliża bħala dota mal-akkwist tal-Indipendenza. Fost dawn il-flus kien hemm miljun lira għar-restawr tas-swar. Ammont li għal dak iż-żmien kien wieħed qawwi u li permezz ta’ dawn il-fondi seta’ jsir ħafna xogħol. Kien l-ewwel ammont kbir ta’ flus li setgħu jiġu investiti fuq il-patrimonju storiku ta’ pajjiżna.

Lejn il-21 ta’ Settembru 1964

Lura għall-festi tal-Indipendenza. Il-ġurnata tal-21 ta’ Settembru bdiet riesqa. Il-poplu kien diġà beda jiċċelebra fil-bliet u l-irħula. Niftakar li kont fil-Kunsill Ċiviku taż-Żejtun u hemmhekk ukoll organizzajna festi biex infakkru l-Indipendenza ta’ Malta.

Fost il-poplu beda jikber l-entużjażmu. Minn fuq ir-Rediffusion kienu qed jixxandru diskorsi patrijottiċi. It-tiżjin tat-toroq, l-iktar dawk li mill-ajruport jwasslu għall-Belt Valletta, kien fl-aqwa tiegħu. Ittellgħu wirjiet marbuta mas-suġġett tal-Indipendenza. F’dik li kienet magħrufa bħala l-Garisson Library, f’Misraħ San Ġorġ, ittellgħet il-wirja ‘The Path to Sovreignty’. Fil-Barrakka Hall, f’Kastilja ttellgħet il-wirja ‘Malta Looks Ahead’.

Matul il-jiem taċ-ċelebrazzjonijiet ġew organizzati diversi attivitajiet sportivi fosthom logħob tal-waterpolo, tlielaq tal-yachts, water skiing, tiġrijiet tad-dgħajjes bil-qlugħ u tlielaq tal-ispeed boats. Il-Qawwiet Militari Ingliżi ukoll taw is-sehem tagħhom b’daqq tal-irtirata mill-Ewwel Battaljun tad-Duke of Edinburgh’s Royal Regiment f’Misraħ il-Palazz il-Ġimgħa 18 ta’ Settembru u bil-Baned tar-Royal Marines tal-Commander-in-Chief tal-Mediterran u tal-HMS Lion l-għada fl-istess post.

Il-każini tal-Partit Nazzjonalista wkoll iżżejnu għall-okkażjoni. Malta kienet lesta biex tilqa’ lill-mexxejja minn madwar id-dinja kollha. Kienet lesta biex tiċċelebra t-twelid tagħha bħala nazzjon.

Il-qofol tal-festi

Il-festi kellu jkollhom il-quċċata tagħhom bejn id-19 u l-21 ta’ Settembru, li nzertaw kienu s-Sibt, il-Ħadd u t-Tnejn. Is-Sibt filwaqt li kienu qed jaslu Malta personalitajiet distinti u magħrufa u rappreżentanti ta’ nazzjonijiet, fosthom il-Prinċep Philip, id-Duka ta’ Edinburgh li kien qed jirrappreżenta lill-Maestà Tagħha r-Reġina Eliżabetta, u Duncan Sandys, is-Segretarju tal-Istat għar-Relazzjonijiet tal-Commonwealth u l-Kolonji, il-Ministri tal-Gvern qiegħdu kuruni mal-Monument tal-Assedju l-Kbir, mal-Monument tal-Gwerra fil-Furjana, fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata mal-qabar tal-Maltin li mietu fit-Tieni Gwerra Dinjija u mal-qabar tal-erba’ Maltin li mietu fis-7 ta’ Ġunju 1919; mal-irħam li jikkommemora l-Maltin li mietu fis-7 ta’ Ġunju 1919 u ta’ Dun Mikiel Xerri f’Misraħ il-Palazz, u ma’ żewġt idjar fi Triq l-Ifran il-Belt (bejn Triq Santa Luċija u Triq San Ġwann) fejn kienu jgħixu Ġużeppi Bajada u Emmanuel Attard, tnejn minn nies li mietu fl-irvellijiet tas-7 ta’ Ġunju 1919.

Dakinhar ukoll fil-Belt Valletta kien hemm marċ “alla Veneziana” minn baned Maltin u wirja minn baned tal-Forzi Armati Ingliżi. Filgħaxija ġie organizzat riċeviment fil-Palazz ta’ Sant’Anton għar-rappreżentanti tal-Commonwealth u delegati barranin u ngħata riċeviment mill-Gvernatur Ġenerali fil-Palazz ta’ Verdala.

Meta nħares lura lejn dawn l-attivitajiet kollha nistaqsi bejni u bejn ruħi kif kont inlaħħaq ma’ dawn l-attivitajiet kollha. Kont nattendi għalihom u wara, qabel norqod, nikteb rapport biex ngħaddih lill-ġurnal ‘Il-Poplu’ għax dak iż-żmien ma kellniex ħaddiema full-time iżda biss wieħed part-time jaħdem mal-ġurnal. Ridna nagħmlu kollox aħna, u nlaħħqu aħna. Iżda kont inħossni kburi u kuntent li nagħmel dan ix-xogħol volontarjament!

Jum Malta

Il-Ħadd 20 ta’ Settembru kien Jum Malta, il-jum li fih il-bandiera Ingliża kienet se tinżel minn fuq pajjiżna u flokha titla’ dik Maltija. Filgħodu fil-Belt Valletta ġie organizzat defilé magħmul minn 16-il karru li kienu jirrappreżentaw l-istorja ta’ pajjiżna. Ġew esegwiti wkoll marċi minn baned Maltin. Matul dan id-defilé seħħ inċident ikrah meta xi partitarji Laburisti attakkaw lill-pulizija u ferew anke Spettur tal-Pulizija. Il-jum ta’ qabel kien hemm inċident ieħor, nemmen daqshekk ieħor ikrah, meta ħdejn il-Freedom Press fil-Marsa, li allura kienet il-kwartieri ġenerali tal-Partit Laburista, partitarji Laburisti attakkaw il-karozza tal-Ambaxxatur Taljan u qaċċtulu l-bandiera Taljana. Iktar ’il quddiem ittellgħu xi persuni quddiem il-Qorti biex iwieġbu għal għemilhom.

Fl-Auberge d’Aragon il-Prim Ministru laqa’ d-delegazzjoni tar-Renju Unit u warajha lir-rappreżentanti u kapijiet ta’ delegazzjonijiet barranin. Din kienet okkażjoni mill-isbaħ għaliex id-delegazzjonijiet mhux biss ferħu lill-Prim Ministru Malti iżda offrewlu wkoll rigali. Għadni nara lid-delegati tal-Gvern tal-Ghana jippreżentaw lill-Prim Ministru bl-ilbies tradizzjonali Ghanjan, il-‘Kente’. Il-Prim Ministru, bi tbissima fuq wiċċu, tgeżwer f’dan l-ilbies fost iċ-ċapċip ta’ dawk preżenti.

Iċ-ċerimonja ewlenija

Sadattant il-ħin kien riesaq lejn iċ-ċerimonja ewlenija. Waranofsinhar kien mimli bħal bajda b’attivitajiet: daqq ta’ marċi fil-Belt, ikla statali fil-Lukanda Phoenicia fl-istess waqt li fl-Arena tal-Indipendenza, quddiem folla ta’ aktar minn 100,000 Maltin u Għawdxin, kien qed jittella’ programm minn baned u żfin folkloristiku. F’tarf il-programm daħlu fl-Arena tal-Indipendenza, fost ċapċip li jtarrax, id-Duka ta’ Edinburgh, il-Gvernatur u Lady Dorman, il-Prim Ministru u s-Sinjura Borg Olivier u l-Arċisqof Mikiel Gonzi. Dawn sabu posthom fil-palk rjali. L-Arċisqof intlaqa’ bl-għajjat ta’ ‘Viva l-Arċisqof’ u ‘Viva l-Papa’ filwaqt li d-dehra tal-Prim Ministru ntlaqgħet b’għajjat li jtarrax u dellierju ta’ ċapċip u kant ta’ ‘Giorgio, Giorgio’. Kien hemm ukoll Duncan Sandys u s-Sinjura Sandys li kienu qed imexxu d-delegazzjoni Ingliża.

Il-Prim Ministru, is-Sinjura Borg Olivier u Effie Gatt, is-Segretarju Privat tal-Prim Ministru, niżlu quddiem l-arblu f’nofs l-Arena. Stakkament mit-tliet Servizzi Ingliżi tah salut filwaqt li ndaqq l-Innu Malti. Wara l-wasla tal-personalitajiet distinti bdiet wirja bi preċiżjoni liema bħalha li kellha twassal għall-inżul tal-bandiera Ingliża. Wirja minn baned tas-servizzi Ingliżi b’iktar minn 200 bandist bejniethom. Warajhom suldati minn HMS St Angelo taw wirja ta’ drill bi preċiżjoni fejn dehru anki jiffurmaw is-salib ta’ Malta.

Hekk kif intemm id-drill iddaħħlu fl-Arena erba’ kanuni, li fl-iqsar ħin ġew armati, sparaw minnhom u ġew mill-ġdid żarmati. Wara saret preżentazzjoni tal-bandiera Maltija fejn fost l-oħrajn ipparteċipaw fid-danza t-tifla tal-Gvernatur u dik tal-Prim Ministru. Daħlu wkoll fl-Arena ħames tableaux li rrappreżentaw bejniethom punti importanti mill-ħakma Ingliża f’Malta u l-preżenza tal-forzi tan-NATO f’dawn il-gżejjer.

Appena ħarġu t-tableaux l-Arċisqof resaq lejn l-arblu li fuqu kienet se tittella’ l-bandiera Maltija u li minn fuqu kienet se titniżżel darba’ għal dejjem dik Ingliża. L-Arċisqof Gonzi qara talba ta’ dedikazzjoni u bierek il-bandiera Maltija. Il-Gvernatur Sir Maurice Dorman, il-Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier niżlu wkoll quddiem l-arblu.

Hawnhekk il-Prinċep Philip u mistiedna oħra distinti qamu bil-wieqfa filwaqt li bdew jindaqqu l-ewwel versi tal-‘God Save the Queen’ waqt li bdiet nieżla l-bandiera Ingliża u tiela’ l-bandiera Maltija fuq l-istess arblu għad-daqq tal-innu Malti. Il-poplu nfexx f’ċapċip li jtarrax fl-istess waqt li minn kull naħa tal-Arena, mill-Port il-Kbir u l-Port ta’ Marsamxett beda jixgħel is-sema l-logħob tan-nar, li ċert li qatt ma rajna bħalu. Tal-inqas hekk ħassejt jien li flimkien mal-għarusa tiegħi kont qed insegwi kollox mill-ewwel fillieri fuq ix-xellug tal-palk irjali. Tant kont kommoss li bkejt, biki ta’ ferħ. Kif għamlu ħafna Maltin u Għawdxin oħrajn. 100,000 Malti u Għawdxi rritornaw lejn djarhom kburin li issa kienu jagħmlu parti minn pajjiż sovran u indipendenti. Kburin li kienu fl-Arena tal-Indipendenza juru l-apprezzament tagħhom lil Ġorg Borg Olivier, l-arkitett ta’ Malta Indipendenti. Kien intemm jum memorabbli. Jum storiku fl-iżvilupp kostituzzjonali ta’ pajjiżna.

Preżentazzjoni tal-istrumenti kostituzzjonali

L-għada, anzi dakinhar, il-21 ta’ Settembru 1964, kellu jkun jum ieħor mimli bħal bajda b’attivitajiet li rabtu bejniethom l-akkwist tas-sovranità ta’ pajjiżna meta l-Prim Ministru Ġorg Borg Olivier ġie ppreżentat mill-Prinċep Philip, bl-istrumenti kostituzzjonali.

Jien bakkart biex inkun fl-arena kmieni u minn ta’ quddiem. Ilbist il-plakka ta’ identifikazzjoni li konna ngħatajna mid-Dipartiment tal-Informazzjoni biex inkunu nistgħu nirrappurtaw iċ-ċelebrazzjonijiet. Din kienet magħmula minn materjal apposta, kbira tliet ċentimetri b’10 ċentimetri, ħamra fuq sfond abjad u bil-kliem ‘Malta Independence – press – J.M. Zahra’ b’ċoff fin-nofs abjad u aħmar.

Il-jum beda b’quddiesa fl-Arena tal-Indipendenza ċelebrata minn Monsinjur Arċisqof Mikiel Gonzi. Wara Monsinjur Igino Cardinale, id-delegat tal-Vatikan għall-festi tal-Indipendenza qara messaġġ tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Pawlu VI. Fil-messaġġ tiegħu l-Papa qal lill-poplu Malti u Għawdxi: “San Luqa kiteb dwar il-Maltin li huma ‘wrew tjieba mhux żgħira’ miegħu u San Pawl ‘onorawna b’ħafna sinjali ta’ ġieħ u pprovdewna b’dak li kellna bżonn’.

Wara sekli ta’ ġrajjiet l-iżjed diversi, il-gżira tagħkom issa qed tħejji biex tieħu l-Indipendenza tagħha. Bil-ħatra tar-rappreżentant, Mons. Igino E. Cardinale nixtiequ nuru l-interess tagħna ta’ Missier fil-Gżira u fil-poplu tagħha, il-ħsieb tagħna kollu mħabba għall-ġid u l-progress tagħkom u l-affezzjoni kordjali tagħna għall-Maltin kollha.

“Fuq l-artal tas-sagrifiċċju u fit-talba aħna se nitolbu mingħand Alla li jista’ kollox, il-grazzji kollha ta’ dawl u qawwa meħtieġa lill-Gvern u lill-Poplu kif qed jibda l-eżistenza indipendenti tagħhom bħala Nazzjon. Bl-interċezzjoni tal-Omm Tagħna Mbierka, nitolbu li jkun hemm relazzjonijiet l-iżjed kordjali bejn Knisja u Stat, li l-fidili jġibu ruħhom ta’ ċittadini leali u attivi, jaħdmu għall-akbar ġid ta’ pajjiżhom u li l-ħajja ta’ Malta Indipendenti tkun immarkata bil-paċi, bil-ġustizzja u bil-prosperità, f’fedeltà sħiħa lejn l-ideali għolja u t-tradizzjoni Kattolika tagħha.

“Bi pleġġ ta’ din il-barka tas-sema Aħna nagħtu lilek, Ħuna Venerabbli, il-W.R. Isqof ta’ Għawdex, u l-membri l-oħra tal-Ġerarkija preżenti għaċ-Ċelebrazzjonijiet l-Awtorità Ċivili, il-Kleru, Reliġjużi u fidili ta’ Malta, il-Barka Appostolika.”

Borg Olivier ixejjer id-dokumenti tal-Kostituzzjoni

Wara l-Quddiesa Sir Maurice Dorman ingħata l-ġurament bħala Gvernatur Ġenerali. Il-Prim Imħallef Sir Anthony Mamo ta wkoll il-ġurament tal-ħatra lill-Prim Ministru u lill-Ministri.

Wara ċ-ċerimonja tal-għoti tal-ġurament daħal fl-Arena tal-Indipendenza l-Prinċep Philip, Duka ta’ Edinburgh, fost l-entużjażmu tal-folla kbira preżenti li kienet tlaħħaq mal-50,000 persuna. Banda militari daqqet il-‘God Save the Queen’ filwaqt li stakkament ta’ suldati ta s-salut.

Il-Prinċep Philip ippreżenta d-dokumenti kostituzzjonali lill-Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier. Appena rċeviehom Ġorġ Borg Olivier trijonfalment xejjer dawn id-dokumenti lejn il-folla biex kulħadd jarahom, fost l-applawsi u l-entużjażmu tal-poplu preżenti. Ritratt li baqa’ sinonimu ta’ dik l-okkażjoni unika.