Lokali

Is-sittin sena anniversarju tal-Indipendenza ta’ Malta mfakkar fl-Estonja

“L-attivita’ li qiegħed intellgħu llejla f’Tallinn l-Estonja mhux biss qiegħed tikkommemora anniversarju importanti tal-Indipendenza ta’ Malta iżda tikkonferma wkoll ir-relazzjonijiet eċċellenti li hemm bejn Malta, l-Estonja u l-Finlandja.” Dan sostnieh l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Estonja u l-Finlandja Dr Kenneth Vella waqt li fil-belt kapitali Tallinn ittellgħet serata tradizzjonali Maltija fl-okkażjoni tas-sittin sena anniversarju tal-kisba tal-Indipendenza ta’ pajjiżna.

Din l-attivita’ li nkludiet ikla tradizzjonali Maltija, ittellgħet fl-istituzzjoni post sekondarja u vokazzjonali Tallinna Teeninduskool bil-kollaborazzjoni tal-kumpaniji Maltin Maypole, Maltasigns.com u Maltaexpo.com. L-ikel tradizzjonali Malti li gie servut kien rizultat ta’ kors li gie offrut matul il-gimgha lil studenti Estonjani mix-chefs Maltin Mark Briffa u James Debono. Għaliha attendew uffiċjali Estonjani, diplomatiċi, imprendituri Estonjani u Finlandiżi u ċittadini Maltin residenti l-Estonja.

Fl-introduzzjoni tiegħu, l-Ambaxxatur Vella semma li l-2024 hija sena importanti għal Malta. Dan minħabba li matulha pajjiżna qiegħed jiċċelebra diversi avvenimenti storiċi importanti fosthom is-sittin sena anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza, il-ħamsin sena anniversarju minn mindu pajjiżna sar Repubblika, il-45 sena mit-tluq tal-imperu Ingliż minn Malta u l-għoxrin sena anniversarju minn meta Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea. Fl-istess waqt din is-sena Malta kellha rwol strateġiku fil-Kunsill tas-Sigurta’ tal-Ġnus Maqgħuda u fl-OSCE.

Minħabba f’hekk ukoll li din l-attivita’ f’Tallinn ikkumplimentat attivitajiet oħra li saru qabel, fosthom wirja fotografika f’Tallinn ftit tax-xhur ilu u esebizzjoni fotografika oħra li ttellgħet f’Mejju li għadda f’Helsinki fil-Finlandja fl-okkażjoni tal-anniversarju tad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.

Vella saħaq ukoll li bejn Malta, l-Estonja u l-Finlandja hemm differenzi ġeografiċi u kulturali, iżda dan ma jfissirx li m’hemmx lok ta’ kollaborazzjoni f’setturi differenti. Il-ħidma fl-aħħar snin mhux biss waslet għat-tisħiħ fir-relazzjoni bejn it-tliet pajjiżi iżda anki għal aktar kollaborazzjoni u inizjattivi f’diversi oqsma, fosthom dawk tal-edukazzjoni, turiżmu, kultura, finanzi, teknoloġija diġitali u taħriġ fil-qasam tal-intelliġenza artifiċjali. Dan għax Malta tista sservi bħala sieħeb strateġiku għall-Estonja u l-Finlandja fil-Mediterran u bl-istess mod dawn iż-żewġ pajjiżi jistgħu jkunu punt ta’ riferiment għal entitajiet Maltin fit-Tramuntana tal-kontinent.

Dan kollu ġie rifless b’diversi inizjattivi li ttieħdu fl-aħħar xhur. Per eżempju fil-qasam edukattiv saret ħidma biex aktar edukaturi Maltin iżuru Tallinn u skejjel fi bliet oħra bħal Tartu u Parnu filwaqt li edukaturi Estonjani żaru wkoll pajjiżna. Ġie ffirmat ukoll f’Marzu li għadda memorandum of understanding bejn l-awtorita’ għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla Estonjana HAKA u l-awtorita’ Maltija MFHEA.

Permezz ta’ dan il-ftehim iż-żewġ entitajiet bdew diġà jaqsmu ideat u jaħdmu flimkien fuq proġetti komuni. Fl-istess ħin kompliet ukoll il-kollaborazzjoni mal-Universita’ ta’ Tartu b’diversi proġetti u inizjattivi. Barra dan l-istudenti u l-għalliema Maltin fil-livell primarju komplew ukoll jagħmlu użu mir-risors Estonjan 99math li ġie introdott f’pajjiżna ftit tas-snin ilu.

Barra l-qasam edukattiv, fl-aħħar xhur ingħata prijorità wkoll il-qasam tas-saħħa, bil-Ministeru tas-Saħħa tagħna jilħaq ukoll f’April li għadda ftehim mal-entita’ Estonjana rinnomata Speak TX. Speech Therapists fi ħdan il-Ministeru Malti qiegħed jagħmlu wżu minn din is-sena stess ta’ din ir-risorsa Estonjana waqt is-sessjonijiet tagħhom mat-tfal u l-adulti. L-esperti Estonjani ħolqu wkoll eżerċizzji anki bil-lingwa Maltija u anki offrew taħriġ lill-professjonisti Maltin.

Fil-qasam turistiku, grazzi għall-kuntatt ma’ Merike Hallik, is-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Estonjana tat-Turiżmu u ma’ Katlin Killer, manager fi ħdan il-kumpanija tal-ajru Air Baltic rajna fl-aħħar xhur l-introduzzjoni ta’ titjiriet diretti lejn Malta mill-belt kapitali Estonjana Tallinn u dan żgur saħħah il-qasam turistiku ta’ gżiritna.

“Fil-qasam tal-kummerċ u finanzjarju komplew jinbtu wkoll aktar opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni. Konferma ta’ dan kien il-ftuħ tal-uffiċji tal-Grupp Laferla f’Tallinn is-sena li għaddiet u kumpaniji oħrajn Maltin bħal Maypole li bdew jikkooperaw ma’ entitajiet simili għal tagħhom,” tenna Dr Vella.

Matul is-serata tqassmu wkoll plakek kommemorattivi lil numru ta’ personalitajiet li fl-aħħar xhur appoġġjaw lill-ambaxxatur Malti fil-ħidma diplomatika tiegħu u anki fil-promozzjoni ta’ Malta f’dawn il-pajjiżi Nordiċi. Finalment Vella rringrazzja lil dawk preżenti, b’mod partikolari lil Carmel Debono fundatur tal-kumpanija Maypole, lid-direttur James Debono, lil kap tal-marketing Roderick Vella u lix-chef Mark Briffa li appoġġjaw din l-inizjattiva anki billi vjaġġaw lejn Tallinn u assistew fil-koordinazzjoni, lil Wesley Davies, direttur ta’ Maltasigns.com u Maltaexpo.com u li għin fil-loġistika, u lill-uffiċjali fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, Ewropej u l-Kummerċ.

Ringrazzjament speċjali mar ukoll lejn Merit Kuus, segretarja fi ħdan l-uffiċju tal-Konsolat Malti fl-Estonja u anki lejn Kristi Tarik, Astrid Maidla u Anne Mae, uffiċjali tal-iskola Tallinna Teeninduskool li mill-ewwel aċċettaw li jikkollaboraw f’din l-inizjattiva. Preżenti wkoll għall-okkażjoni kien hemm l-Onorevoli Marko Mihkelson, iċ-chairman tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin fi ħdan il-Parlament Estonjan, l-ex Ambaxxatur tal-Estonja għal Malta Paul Teesalu u anki uffiċjali oħra fi ħdan il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Estonja.

Photo Caption : L-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Estonja u l-Finlandja Dr Kenneth Vella jindirizza lill-mistiedna waqt l-attivita’ imtella’ f’Tallinn fl-okkażjoni tas-sittin sena anniversarju mill-Indipendenza ta’ Malta.

L-Ambaxxatur Vella jippreżenta tifkira lill-Onorevoli Marko Mihkelson, chairman tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin fi ħdan il-Parlament Estonjan.

L-Ambaxxatur Vella jippreżenta tifkira lis-Sur Carmel Debono Fundatur tal-kumpanija Maltija Maypole.