Knisja Lokali

L-Isqof Anton Teuma b’viżta pastorali f’Għawdex

“Il-preżenza taʼ Ġesù spiss tkun diffiċli biex tirrikonoxxi, speċjalment fi żminijiet taʼ stress. Madankollu, il-Bibbja tgħallimna li Alla hu interessat fil-problemi tagħna u jrid jakkumpanjana. Ġesù jinsab magħna fil-Kelma tal-Evanġelju, fl-imħabba reċiproka tagħna, speċjalment fis-servizz tagħna lill-foqra. U huwa magħna meta niċċelebraw il-Patruni tagħna u waqt il-Quddiesa.”

Kien dan il-messaġġ li wassal l-Isqof ta’ Għawdex Monsinjur Anton Teuma f’ittra mibgħuta lil kull parroċċa f’Għawdex, biex iħabbar il-viżta pastorali fid-Djoċesi. Dan hekk kif minn Ottubru li ġej se jibda din il-Viżta, flimkien ma’ saċerdoti u lajċi – fejn se jagħmel ġimgħa sħiħa f’kull komunità.

Huwa saħaq li matul din il-ġimgħa id-djoċesi tixtieq tiltaqa’ possibbilment ma’ kull min jagħmel parti mill-parroċċa. Filwaqt li se jsir irtir għas-saċerdoti u r-reliġjużi, se jkun hemm ukoll laqgħat mat-tfal u l-ġenituri tagħhom, mal-adolexxenti, maż-żgħażagħ, mal-għarajjes u l-ġenituri tagħhom, laqgħat mal-familji, man-nanniet, mal-anzjani, mal-Kattoliċi ta’ nazzjonalitajiet oħra, u żjarat lill-morda.

Għal dan il-għan qiegħed jitħejja programm ma’ kull wieħed mill-kappillani f’Għawdex.

L-Isqof żied jgħid kif minn qalbu hu jixtieq iħeġġeġ lin-nies biex jitolbu flimkien miegħu ħalli minn din il-Viżta Pastorali joħroġ il-ġid spiritwali u materjali għall-komunitajiet parrokkjali.

Monsinjur Anton Teuma għalaq bix-xewqa li kull parroċċa tpoġġi l-Viżta Pastorali tagħha taħt il-protezzjoni tal-Qaddis Patrun jew Qaddisa Patruna tagħha.