Pajjiżna llum qed ifakkar is-60 anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza – kisba li kienet frott il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista, immexxi minn Ġorġ Borg Olivier.
Il-gżejjer tagħna f’din il-ġurnata qed ifakkru s-60 sena mit-twelid ta’ stat sovran biex minn dakinhar stajna ngħidu li għandna verament rajna f’idejna. Twelid ta’ nazzjon li, pass pass sar ukoll Repubblika u eventwalment issieħeb b’mod sħiħ bħala stat membru fl-Unjoni Ewropea.
Fil-fatt, il-21 ta’ Settembru jfakkar il-jum li fih il-Maltin u l-Għawdxin, bi kburija, raw il-bandiera tar-Renju Unit nieżla, u minflokha, titla’ għall-ewwel darba l-bandiera Maltija bl-ilwien bojod u ħomor.
Din tibqa’ ġurnata speċjali immens għall-poplu kollu – mhux biss il-memorji ta’ dak li kien seħħ fix-xagħra tal-Floriana, iżda memorji ta’ kif konna kapaċi negħlbu kull sfida u nirnexxu bħala pajjiż matul il-medda tas-snin.
//= $special ?>