60 sena ta’ Malta Indipendenti. 60 sena anniversarju mill-kisba li kienet frott il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista, immexxi minn Ġorġ Borg Olivier.
Matul il-jum tas-Sibt, il-poplu Malti u Għawdxi iċċelebra t-twelid ta’ stat sovran lura fil-21 ta’ Settembru tal-1964 – jum li eventwalment wassal għall-kisbiet l-oħrajn, bħar-Repubblika ta’ Malta u s-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea.
Il-21 ta’ Settembru kien immarkat b’ċelebrazzjonijiet illi saru b’tifkira ta’ din il-kisba li fissret tant għal pajjiżna – ċelebrazzjonijiet bis-sehem tal-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Bl-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż iqiegħdu l-fjuri f’riġlejn il-monument li jfakkar il-kisba tal-Indipendenza fil-Furjana, fosthom mill-President tar-Repubblika Myriam Spiteri Debono u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.
Tpoġġew ukoll kuruni, fost l-oħrajn, mill-Prim Ministru. Dan filwaqt li inħaraq salut ta’ 21 tir mill-Forzi Armati.
Din tibqa’ ġurnata speċjali immens għall-poplu kollu – mhux biss il-memorji ta’ dak li kien seħħ fix-xagħra tal-Floriana, iżda memorji ta’ kif konna kapaċi negħlbu kull sfida u nirnexxu bħala pajjiż matul il-medda tas-snin.
Fil-fatt, il-21 ta’ Settembru jfakkar il-jum li fih il-Maltin u l-Għawdxin, bi kburija, raw il-bandiera tar-Renju Unit nieżla, u minflokha, titla’ għall-ewwel darba l-bandiera Maltija bl-ilwien bojod u ħomor.
Mument illi tfakkar anke mill-PN propju f’nofsillejl – meta fi Pjazza Tritoni indaqq l-Innu Malti u ittajjret il-bandiera nazzjonali tagħna.
//= $special ?>