Neil Agius jibda t-tentattiv ta’ rekord dinji – għawma ta’ 160 kilometru bla waqfien u mingħajr l-ebda għajnuna madwar il-Ġżejjer Maltin.
Aguis beda l-għawma tiegħu s-Sibt filgħodu mill-Bajja tal-Għadira. Għawma li pjanata tieħu madwar tliet ijiem fejn se jkun qed idur mat-tliet gżejjer Maltin – Malta, Għawdex u Kemmuna. Dan bil-għan li l-atleta jaqbeż ir-rekord ta’ għawma ta’ 125,7km – rekord li kien kiseb lura fl-2021.
F’intervista li saritlu mill-midja lokali huwa spjega kif il-preparamenti għal din l-isfida ilhom għaddejjin sa mill-2023. Fejn kien impenja ruħu li jgħum bejn Majorca u Ibiza, iżda kellu jċedi kaġun ta’ 60 tingiza tal-bram wara 19-il siegħa ta’ għawm.
B’Agius itenni li minkejja l-isfida li affaċċja fl-2023, huwa determinat li jtemm dak li beda. Huwa għalhekk illi impenja ruħu li jgħum 160 kilometru madwar it-tliet gżejjer Maltin.
Permezz tal-għaqda non-governattiva Wave of Change, Neil Agius ħeġġeġ lill-poplu Malti u Għawdxi kollu, sabiex jieħu sehem fil-preservazzjoni tal-baħar ta’ madwarna.
Fejn appella sabiex jiġu esplorati prattiċi sostenibbli u sabiex isir tindif lokali filwaqt li wiegħed li se jkun qed ikompli jeduka lill-poplu fuq il-kwistjonijiet kritiċi li qedgħin jaffaċċjaw l-oċejani tagħna.
Huwa tenna li dan kollu huwa possibbli biss jekk issir ħidma kollettiva ta’ impenn għall-preservazzjoni tal-ibħra Maltin.
//= $special ?>