Hekk kif resqin lejn it-23 ta’ Settembru, kollox jinsab lest għall-ġurnata li fiha se jkun qed jingħata bidu għall-wijra ta’ arti kollettiva fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.
L-organizzaturi diġà kkonfermaw li daħlu 77 applikazzjoni. U l-wirja se tkun dedikata għall-memorja ta’ Karl Gouder – tant li se jiġi esebit ukoll ritratt diġitali li nħoloq mill-artist Ġorġ Mallia.
RottArti li se tittella’ bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza, hekk kif qed jiġi mfakkra s-60 sena mill-kisba tal-Indipendenza tal-Gżejjer Maltin, fil-21 ta’ Settembru tal-1964. L-applikazzjonijiet għal din il-wirja issa jinsabu magħluqa, wara li kienu ilhom miftuħa għal madwar xahar, bejn il-ġranet tad-29 ta’ Lulju, sakemm għalqu fl-4 ta’ Settembru. Tul dan il-perjodu kien hemm 77 artist li ssottometta x-xogħol
tiegħu biex jiġi esebit f’din il-wirja kollettiva; numru inkorraġġanti li huwa iktar minn dak li ġie sottomess għall-wirja tas-sena l-oħra.
Din is-sena d-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista se tkun qed tilqa’ diversi artisti ta’ etajiet varji u xogħlijiet imprezzabbli ta’ medja differenti, fosthom l-iskultura, il-pittrua, il-fotografija kif ukoll l-arti diġitali, li ġiet introdotta f’din l-esebizzjoni għall-ewwel darba din is-sena. L-għan ta’ din id-deċiżjoni kienet sabiex din l-esebizzjoni toħloq diversità u inklużjoni, fejn l-artist ikollu l-opportunità li jesebixxi x-xogħol tieghu – pjattaforma li se tkun qed tiċċelebra t-talent lokali u dak kollu li jagħmilna Maltin.
Il-preparamenti għall-ftuħ tal-esebizzjoni rottArti
It-23 ta’ Settembru huwa l-jum tal-ftuħ ta’ din l-esebizzjoni ikkordinata mis-Segretarju Eżekuttiv Organizzativ tal-Partit Nazzjonalista, Stefan Caruana, flimkien ma’ għadd ta’ voluntieri.
Fost il-preparamenti li għaddejin bħalissa jinkludu l-itteggjar ta’ kull biċċa xogħol li se tkun esebita, bid-dettalji tal-artist, l-isem u l-materjal tax-xogħol. L-artisti li jixtiequ jbiegħu x-xogħol tagħhom, se jkollhom il-prezz imniżżel.
Apparti minn hekk, qed jiġi mħejji ktejjeb li fih jinkludi ritratt ta’ kull artist, b’awtobijografija żgħira, kif ukoll ritratt ta’ kull biċċa tal-arti li se jkunu qegħdin jesebixxu.
Matul il-ġranet li fiha se tkun miftuħa l-esebizzjoni, xi wħud mill-artisti se jkunu preżenti.
Il-ġurnata tal-ftuħ tal-wirja kollettiva
Fis-7:30pm tat-23 ta’ Settembru, hekk kif kollox ikun lest, id-Dar Ċentrali se tkun imżejna b’xogħlijiet mill-isbaħ.
Il-wirja se tkun qed tagħti bidu mill-isbaħ kif inhu xieraq biex niċċelebraw it-talent Malti. Il-mistiedna se jkunu qed jirċievu invit f’dawn il-ġranet li ġejjin għas-serata tal-ftuħ, iżda l-pubbliku kollu huwa mħeġġeġ biex jiġi jżur din l-esebizzjoni li se tkun qed tiftaħ il-bibien tagħha għal ġimagħtejn sħaħ, bejn it-24
ta’ Settembru u s-6 ta’ Ottubru.
Is-serata se tkun qed tinfetaħ mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, u se tkun imżewqa b’atmosfera mill-isbaħ ta’ mużika, diskorsi, poeżija u tislima lil Karl Gouder.
Francina Abela se tkun qed togranizza l-kunċert, b’mużika melodjuża bid-daqq tal-pjanu tal-mużiċista Ramona Zammit Formosa, kif ukoll il-qari tal-poeżija minn Yvonne Galea.
Għal aktar informazzjoni żur il-paġna ta’ rottArti fuq Facebook.
//= $special ?>