Futbol Sport

Draw ġust bejn Floriana u Hibernians

Andrè Muscat 

FLORIANA………….. 1 

HIBERNIANS………. 1 

Floriana: H. Mafoumbi, O. El Hasni, J. Grech, K. Reid (C. Guy Serge 63’), D. Vella (E. De Souza 72’), O. Spiteri, N. Garcia, C. Zammit Lonardelli, F. Sasere (K. Nwoko 90+1), A. Rodrigues 

Hibernians: H. Sacco, K. Lima, K. Shaw, A. Attard (L. Caruana 78’), R. Khevin, N. Miullen (F. Falcone 78’), B. Kristensen (G. Bastianos 71’), I. Chukunyere (J. Degabriele 71’), B. Alex (H. Silas 86’), H. Pedro, G. Higor 

Imwissija: G. Higor 83’ (H)

Tkeċċew: O. El Hasni 59’ (F), G. Higor 90+3 (H)

Skorjaw:  F. Sasere 48’ (F), B. Alex 80’ (H)

Referee: Ishmael Barbara 

Assistenti Referees: James Muscat u Duncan Spencer 

360 Sports Plejer tal-Logħba: Franklin Sasere (Floriana)

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Franklin Sasere (Floriana)

Fl-Istadium Nazzjonali f’ Ta’ Qali, Floriana u Hibernians jieħdu punt kull wieħed fil-konfront ta’ bejniethom.

Kellna nistennew san-nofs siegħa logħob biex naraw azzjoni denja f’din il-partita meta kien l-attakant internazzjonali Malti Kemar Reid, li minn fuq in-naħa xellugija pprova azzjoni personali fejn ikkonkluda bi cross shot bil-ballun spiċċa ftit għoli mill-minduda. 

Floriana jkomplu jafsu biex issibu l-goal tad-draw, u fit-33 minuta cross ta’ Garcia jantiċipa lil Zammit Lonardelli li waħdu fil-kaxxa l-kbira qabeż il-ballun minn fuq Sacco sabiex tefa’ l-ballun fix-xibka, iżda r-referee Barbara annulla l-goal għal senjalazzjoni t’offside mill-assistent referee. 

Fl-34 minuta corner mil-lemin għat-tim ta’ Raħal Ġdid, clearence ħażina tal-goalkeeper Furjaniż, bil-ballun spiċċa f’saqajn Gabriel Higor, bil-Brażiljan jara t-tentattiv tiegħu jgħaddi ftit barra mill-wieqfa. 

Mat-45 minuta logħob, Floriana viċin ħafna li jiżblukkaw l-iskor meta cross ta’ Jake Grech mix-xellug lejn Sasere, b’dan tal-aħħar jara x-xutt tiegħu salvat b’diffikultà minn Hugo Sacco, bir-referee Ishmael Barbara kostrett isaffar għal offside wara senjalazzjoni mill-assistent tiegħu James Muscat. 

Wara taqsima nieqsa litteralment mill-azzjonijiet lejn il-lasti rispettivi, Barbara minuta fuq il-ħin regolamentari jibgħat liż-żewġ timijiet rispettivi jistrieħu f’parita ta’ mingħajr goals. 

Tliet minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, il-Greens jiftħu l-iskor meta kien Franklin Sasere li b’azzjoni personali jfajjar xutt mill-isbaħ, biex minn distanza ta’ madwar 25 metru bogħod, il-ballun spiċċa wara Sacco, u tefa’ lill-partitarji Furjaniżi preżenti f’delirju ta’ ferħ.

Hibernians ipprovaw iġibu draw fis-57, cross mix-xellug ta’ Kleithon de Lima lejn il-kompatrijot tiegħu l-Brażiljan l-ieħor Natha Miullen, iżda l-ballun laħaq ġie interċettat mill-goalkeeper Furjaniż megħjun minn Owen Spiteri, b’dan tal-aħħar itajar f’corner.

Fit-68 minuta kien Ayrton Attard li pprova jġib id-draw għat-tim tal-Pagun, wara li rċieva pass minn saqajn Chukunyere, b’Attard idur u jfajjar xutt li ġiegħel lill-goalkeeper Furjaniż jintelaq minn tulu biex salva l-ballun u dawwar f’corner.

Hibernians iġibu draw fit-80 minuta b’corner mil-lemin mogħti qasir minn Kurt Shaw lejn Alex De Souza, bil-Brażiljan javvanza lejn il-lasta Furjaniża u hekk kif daħal fil-kaxxa l-kbira jfajjar xutt mill-isbaħ, bil-ballun jispiċċa wara Mafoumbi, u b’hekk għamel l-iskor 1-1.

Sitt minuti fuq il-ħin regolamentari, Ishmael Barbara saffar tmiem il-partita.

Partita nieqsa mill-azzjonijiet bit-tieni taqsima tkun ftit aktar movimentata, iżda l-ebda tim fil-ground ma wera l-aqwa tiegħu biex jieħu l-punti massimi minn dan il-konfront.