Il-President Franċiż Emmanuel Macron, introduċa l-Gvern ġdid ta’ pajjiżu, kważi tliet xhur wara l-elezzjoni ġenerali bikrija li fiha l-ebda partit ma kien kiseb maġġoranza ċara biex jiggverna.
Il-formazzjoni tal-Gvern ġdid, immexxi mill-Prim Ministru Michel Barnier, qed turi ‘dispożizzjoni’ lejn id-deputati tal-lemin avolja l-Alleanza tal-partiti tax-xellug kienu rebħu l-akbar ammont tas-siġġijiet fl-elezzjoni.
U minkejja s-sħubija bejn il-Partit taċ-Ċentru ta’ Macron u l-entitajiet politiċi tal-lemin, il-Parlament f’Pariġi xorta mistenni li jgħaddi minn ġimgħat u xhur ta’ diżgwid ‘il quddiem. Sitwazzjoni fejn se jinħtieġ l-appoġġ ta’ partiti oħrajn biex tkun tista’ tgħaddi l-leġiżlazzjoni fuq bażi nazzjonali.
B’kollox, għaxar politiċi Repubblikani ngħataw karigi Ministerjali fil-Kabinett ġdid, għalkemm Macron xorta żamm numru ta’ Ministri li ffurmaw parti mill-amministrazzjoni preċedenti.
Franza qed tiffaċċja futur diffiċli wkoll wara t-twissija tal-Unjoni Ewropea, rigward id-dejn ta’ dan il-pajjiż li żdied b’mod mhux sostenibbli – u f’sitwazzjoni fejn Franza, issa,qabżet kull limitu tar-regoli tal-istess UE.
It-twissija, fil-fatt, ingħatat qabel l-elezzjoni ta’ Ġunju u Lulju fi Franza, meta l-Eżekuttiv tal-UE qal li l-pajjiż għandu jkun ‘dixxiplinat; talli kiser ir-regoli finanzjari tal-Unjoni.
//= $special ?>