Lokali

“Għandna pjan ċar sabiex inti timxi ‘l quddiem” – Bernard Grech

“Għandna mudell ekonomiku li jserraħlek moħħok filwaqt li l-wellbeing tiegħek se jkun imħares u se jkun il-prijorità assoluta tiegħek.”

Kien dan li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt intervista li kellu dalgħodu fuq Net Television fil-programm ‘Analiżi’ fejn wiegħed pjan ċar sabiex kull Malti u Għawdxi jkun jista’ jimxi ‘l quddiem. Bernard Grech qal li f’pajjiżna għandna żewġ partiti – Partit Laburista li huwa maqbud fid-diffikultajiet interni tant li huwa staġnat fil-passat, u Partit Nazzjonalista li qed jimxi ‘l quddiem billi jifhem id-diffikultajiet tan-nies tant li ħejja pjan ta’ ekonomija għan-nies.

“Għandna pjan short, medium, u long-term fejn lesti napplikaw pjan ta’ valur,” qal Bernard Grech.

Bernard Grech qal kif fl-aħħar snin rajna d-dgħufija ta’ Robert Abela fejn jidħlu deċiżjonijiet importanti għall-poplu Malti u Għawdxi.

“Aħna kkonċentrati fuq il-bżonnijiet tiegħek,” qal Bernard Grech. “Ħaddieħor mitluf fil-problemi interni.”

Dwar l-ambjent, Bernard Grech qal li l-Gvern jeħtieġ jaġixxi llum qabel għada.

“X’jiswa’ li jagħmel il-liġijiet hu meta jkun hu stess li jiksirhom tant li hu l-ikbar polluter,” qal Bernard Grech.

B’rabta mal-attakk fil-Ħamrun, Bernard Grech wera solidarjetà mal-uffiċjali tal-Pulizija filwaqt li appella biex tinbidel il-klima ta’ impunità li qed twassal għal dawn il-każijiet.

“Dan jiġri fi klima ta’ impunità,” qal Bernard Grech. “Dan għalija huwa xokk li xi ħadd jerfa’ jdejh fuq il-pulizija. Solidarjetà sħiħa mal-pulizija li jwettqu xogħol biex inħossuna siguri.”

Quddiem dan kollu, Bernard Grech fakkar li Partit Nazzjonalista fil-gvern għandu pjan ċar għall-poplu Malti u Għawdxi.

“Bil-għaqal, il-Partit Nazzjonalista se jinvesti l-flus għall-ġid tal-poplu u l-ġenerazzjonijiet futuri,” qal Bernard Grech.